In-Natura m’għandhiex vot

Infrastruttura Malta hi insensittiva għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ekoloġija. Ittrasformat trejqiet fil-widien u madwarhom f’toroq wisgħin bl-użu ta’ volumi kbar ta’ konkos kif għamlet fil-Wied Tal-Isqof u Wied is-Sewda. Dan ser ikollu impatt negattiv konsiderevoli fuq l-ambjent rurali, fuq il-komunitajiet rurali u fuq il-pajsaġġ.
Dawn it-trejqiet li ġew ittrasformati f’toroq, issa, inevitabilment ser ikunu użati minn iktar traffiku: il-problemi tat-traffiku ser ikunu trasferiti miż-żoni urbani għall-kampanja.

Il-widien huma parti integrali mill-eko-sistema tagħna, b’rikkezzi kbar ta’ bijodiversità. In-natura, li timla kull rokna tal-kampanja tagħna hi taħt theddida kontinwa. Mhux Infrastruttura Malta biss hi responsabbli għal dan.

L-eko-sistema taħdem f’sintonia kważi perfetta, b’rabta sħiħa bejn kull fjura u jew insett u l-bqija tal-madwar. L-ekoloġija ma żżidx biss mal-kuluri tal-pajsaġġ tagħna, imma hi l-bażi essenzjali tal-ħajja innifisha. Permezz ta’ diversi organiżmi li jistkennu fil-kampanja u l-widien in-natura tipprovdi servizzi essenzjali għall-agrikultura.

In-natura mhix dekorazzjoni tajba biss għar-ritratti, videos jew pitturi. Mhix qegħda hemm biex niggustawha.

Sfortunatament qed ngħixu f’dinja li ftit li xejn tagħti kaz ta’ dak kollu li m’għandux valur espress fi flus. Din hi r-raġuni ewlenija għan-nuqqas ta’ ħafna li jifhmu u japprezzaw l-importanza tal-ekoloġija fil-ħajja ta’ kuljum. Uħud ma għandhom l-ebda idea li aħna ma ngħixux f’ekonomija imma niffurmaw parti integrali minn eko-sistema!

Fil-passat saru diversi attentati biex tiġi kkoreġuta din l-attitudni permezz ta’ studji li ippruvaw jikkwantifika il-valur ekonomiku tal-bijodiversità. Dan sar kemm fuq livell Ewropew kif ukoll minn pajjiżi individwali. Dawn l-istudji jesploraw u jippruvaw jikkwantifikaw kemm jiswa’ biex ikunu sostitwiti s-servizzi li n-natura tipprovdilna b’xejn għal erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. L-ammont jitkejjel bil-biljuni.

Hemm ħtieġa li nifhmu li l-bniedem huwa dipendenti fuq is-servizzi li n-natura tipprovdilna l-ħin kollu bla ebda ħlas. Dawn jinkludu l-ilma, l-ħamrija u l-arja nadifa li qed isofru attakk frontali kontinwu minn dak li nsejħulu żvilupp.

Is-siġar qed jitqaċċtu biex jagħmlu l-wisgħa għall-kostruzzjoni bla rażan li għaddejja bħalissa. Dan jinkludi l-proġetti mhux meħtieġa ta’ toroq li qed iseħħu f’dan il-ħin.

Is-siġar huma rigal li tagħtina n-natura. Jagħtuna l-ossiġnu li mingħajru ma nieħdux nifs. Dan l-ossignu jipproduċuh billi jassorbu id-dijossidju tal-carbonju mill-atmosfera, u jżommu l-karbonju depositat fiz-zokk u l-friegħi tas-siġra. B’dan il-mod is-siġar jagħtuna żewġ servizzi essenzjali bla ħlas: l-ossiġnu biex nieħdu n-nifs u depożitu naturali għall-karbonju. Dawn is-servizzi huma l-alternattivi naturali għat-teknoloġija magħrufa bħala “carbon capture technology” li tiswa’ l-miljuni. In-natura tipprovdilna alternattiva u aħna din ninjorawha. Huwa servizz bla ħlas u allura mhuwiex apprezzat. It-tibdil fil-klima huwa (in-parti) riżultat ta’ diforestazzjoni fuq skala kbira, akkumulata tul is-snin.

Aħna niddependu fuq in-natura ferm iktar milli niddependu fuq l-ekonomija. Imma fil-waqt li ninkwetaw meta pajjiżna jiffaċċja żbilanċ finanzjarju, ħafna jinjoraw l-iżbilanċ ambjentali li qiegħed isir dejjem iktar agħar milli qatt kien. Li nindirizzaw dan l-iżbilanċ ambjentali huwa essenzjali qabel ma jkun tard wisq. Mhux kulħadd hu konxju li ħadd ma hu ser jagħmlilna tajjeb għal dan l-iżbilanċ. Ma hemm l-ebda bale-out għal dan l-iżbilanċ!

Għandna Ministru tal-Kabinet li hu responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli. Sfortunatament, kif ngħidu, lanqas jaf x’laqtu! Bħala riżultat ta’ dan hu ovvju li hawn nuqqas ta’ strateġija ta’ sostenibilità fis-settur pubbliku kollu.

L-impatt ta’ dan kollu jinħass fit-tul. Ma jidher li hemm l-ebda għaġla, għax in-natura m’għandiex vot. Imma dawk minna li għandhom vot għandna responsabbiltà etika li naġixxu f’isimha. Dak li tagħmel Alternattiva Demokratika.

ippubblikat fuq Illum Il-Ħadd 10 ta’ Marzu 2019

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s