Pjani Lokali tal-lastku

Meta l-Pjani Lokali kienu approvati, kien l-ewwel darba li f’Malta sar attentat biex ikun regolat l-iżvilupp fuq livell lokali bis-serjetà. Il-ħtieġa kienet ilha tinħass is-snin. L-ippjanar għall-użu tal-art b’mod professjonali, f’Malta, beda fl-1989 bil-proċess iwassal għall-ħolqien tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Għall-bidu, kif jispjega b’mod ċar fil-pjan ta’ struttura, kien ippjanat li jkun hemm 24 pjan lokali għall-Malta u Għawdex, imma imbagħad spiċċajna b’sebgħa. Ħames Pjani Lokali kienu approvati fl-2006, bit-tnejn l-oħra jkunu approvati iktar kmieni: dak dwar il-Bajja ta’ Marsaxlokk fl-1995 u dak dwar il-Port il-Kbir fl-2002.

Meta l-pjani lokali kienu mfassla, oriġinalment għall-konsultazzjoni pubblika, kienu meqjusa bħala restrittivi għax ftit kienu jħallu lok għal diskrezzjoni. Sa dakinnhar ħadd ma kien għadu fassal il-politika dwar l-użu tal-art b’mod hekk ċar, b’mod li jnaqqas il-lok għall-abbuż kif ukoll il-poter assolut vestit f’persuna waħda:il-politku. Dakinnhar kien hemm resistenza konsiderevoli li l-affarijiet isiru b’dan il-mod. Dan jispjega għaliex dawn il-pjani lokali damu ħafna ma saru. Hija ukoll ir-raġuni li wasslet għal dak li nirreferu għalih bħala l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni li bħala riżultat tiegħu meded kbar ta’ art, madwar żewġ miljun metru kwadru, fil-parti l-kbira art agrikola, fl-2006, kienu ddikjarati mill-Parlament bħala li tajbin għall-iżvilupp.

Il-pjani lokali huma essenzjalment dokumenti miktuba li fihom hemm spjegata l-politika lokali dwar l-użu tal-art flimkien ma mapep li jillustraw din il-politika. Tul is-snin dawn il-pjani lokali ġew ikkumplimentati b’dokumenti oħra dwar materji speċifiċi. Kważi kollha b’ċertu ammont ta’ kontroversja marbuta magħhom. Dwar dawn ktibt diversi drabi f’dawn il-paġni.

F’Jannar 2013, wara perjodu ta’ konsultazzjoni kif trid il-liġi, l-Awtorità tal-Ippjanar kellha f’idejha dokument ieħor li kien approvat: nirreferu għalih bħala l-politka tal-flessibilità. Huwa intitolat : Partial Review of Subsidiary Plans: General Policy relating to Regeneration/Consolidation initiatives. L-iżviluppaturi (u l-periti tagħhom) flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar jinterpretaw dan id-dokument bħala li jagħtihom mano libera biex jiddeċiedu dwar liema huma dawk il-partijiet tal-Pjani Lokali li għandhom jinjoraw.
Sfortunatament uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar, spiss wisq, jaġixxu qieshom għandhom xi dritt divin li jiddeċiedu dwar liema huma dawk ir-regoli tal-ippjanar li għandhom japplikaw u liema huma dawk li għandhom jinjoraw.

Kaz speċifiku qam quddiem il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar iktar kmieni din il-ġimgħa dwar żvilupp propost fuq biċċa art kbira fil-Mellieħa. Il-Pjan Lokali tal-Majjistral jipprovdi li ma jistgħux jinbnew lukandi fiż-żona residenzjali fejn hemm din l-art. Imma l-uffiċjali tad-Direttorat tal-Ippjanar, friski daqs ħassa, jirreferu għall-politika dwar il-flessibilità bl-addoċċ u jirrakkomandaw li l-lukanda proposta hi aċċettabbli. .

L-applikazzjoni tal-politika dwar il-flessibilità fl-ippjanar hi limitata mill-kundizzjonijiet fid-dokument imsemmi iktar il-fuq. Il-limitazzjoni prinċipali hi li l-flessibilità ma tistax tmur kontra l-linja ġenerali stabilita fil-Pjani Lokali. Għax il-politika dwar l-ippjanar għandha tkun flessibli imma mhux tkun tal-lastku!

Numru ta’ deċiżjonijiet li ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar ibbażati fuq din l-interpretazzjoni skorretta tal-politika tal-flessibilità kienu kkontestati fit-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar u fil-Qrati u kienu mħassra. Fid-dawl ta’ dawn id-deċiżjonijiet, jiena ma nistax nifhem kif l-Awtorità tal-Ippjanar ma tikkoreġix il-posizzjoni tagħha.

Inizzjalment l-applikazzjoni inkorretta tal-politika tal-flessibilità fl-ippjanar tal-użu tal-art setgħet titqies bħala żball. Imma meta dan l-iżball jibqa’ jkun repetut ma jibqax żball iżda jsir abbuż ta’ poter li għandu jkun indirizzat immedjatament.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 3 ta’ Marzu 2019

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s