Il-maltempata tas-Sibt tort tal-Gvern?

Ovvja li le.

Imma l-politika tal-Gvern dwar it-transport tinkoraġixxi iktar karozzi fit-toroq tagħna. Din qed tagħti kontribut biex ikollna iktar minn dawn il-maltempati. Mhux biss iktar fin-numru imma iktar spissi ukoll. Dan minħabba l-emissjonijiet tal-karozzi li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima.

Ilu kważi tmintax-il xahar li l-Gvern ħabbar li qed jikkonsidra li jieħu passi biex il-karozzi fit-toroq la jaħdmu bil-petrol u l-anqas bid-diesel. Iktar ma jdum ma jiddeċiedi dwar dan ikun qed jagħti kontribut biex ikollna iktar minn dawn il-maltempati.

L-istess għandu jingħad għall-investiment qawwi fit-toroq biex dawn jitwessgħu. Dan ser jiffaċilitaw il-moviment ta’ karozzi bil-konsegwenza li ser jiżdiedu l-karozzi fit-toroq. Dan ifisser li l-investiment fit-toroq hu fil-fatt investiment favur it-tibdil fil-klima.

Hemm xi ħaġa oħra: kemm ser idumu ħerġin permessi għal pompi tal-petrol (u d-diesel). X’nambuhom dawn jekk suppost ftit żmien ieħor u ma jkunx hemm bżonnhom? U bil-ħaqq kemm ser iddum ma toħroġ il-policy l-ġdida dwar il-pompi tal-petrol?

Maltempati dejjem kellna. Minn żmien żemżem. Imma kemm ilhom jaħkmuna l-impatti tat-tibdil fil-klima dawn il-maltempati saru iktar intensi u iktar frekwenti. Il-maltempata mhux tort ta’ Joseph! Imma jekk ser idum ikaxkar saqajh biex jiddeċiedi ser ikompli jagħti kontribut għal iktar maltempati minn dawn.

Arnold: rasu l-isfel

Arnold qed ipoġġi l-argumenti rashom l-isfel.

Mal-European Greens ma jaqbilx dwar l-abort. Imma ħadem magħhom b’riżerva għal numru ta’ snin.

Ma Alternattiva Demokratika jaqbel, għax kontra l-abort. Imma qed jiddisassoċja ruħu għax iridna nibqgħu b’ħalqna magħluq għax inkella inħawdu l-imħuħ, qal.

Issa għax hu bniedem konsistenti, ilu għaddej ġimgħa sħiħa, s’issa. Qiegħed iħawwad l-imħuħ apposta b’mod ippjanat u premeditat.

Sfortunatament il-professur iħobb iparla ħafna, imma ftit li xejn ma jirrifletti.