Infrastruttura Malta qed tinjora l-unika soluzzjoni

Għadhom kif ġew ippubblikati l-istudji li jiffurmaw parti mill-EIA (Environmental Impact Assessment) dwar il-proġett infrastrutturali tat-toroq bejn l-Imrieħel u Ħ’Attard : is-Central Link Project. Il-konsultazzjoni pubblika ser tibqa’ għaddejja sal-21 ta’ Frar 2019.

L-istudji ippubblikati huma voluminużi. Apparti r-rapport finali miktub mill-koordinatur tal-EIA b’543 paġna hemm 11-il rapport tekniku dwar temi ta’ relevanza. Dawn ivarjaw mill-użu tal-art, il-pajsaġġ u l-impatti viżivi, il-ġeoloġija, l-ilma, l-ekoloġija, l-agrikultura, l-arkejoloġija, l-kwalità tal-arja, il-ħsejjes, l-infrastruttura u s-servizzi u l-aċċess pubbliku.

Dawn ir-rapporti nkitbu bejn Awwissu 2015 u Jannar 2019 u fihom madwar 1400 paġna. Fiż-żmien qasir li ilhom aċċessibli ma kienx possibli li jinqraw kollha. Imma, l-posizzjoni li qed tieħu Infrastruttura Malta, bla ebda dubju a bażi ta’ direzzjoni politika, hi waħda ċara ħafna.

Infrastruttura Malta qed tipproponi li tindirizza l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna bil-bini jew twessiegħ ta’ toroq flmkien mat-titjib ġenerali tal-infrastruttura tagħhom. B’dan il-mod, jidhrilha li l-konġestjoni tkun eliminata inkella tonqos drastikament. Dan għandu jwassal għal inqas emissjonijiet u allura titjieb il-kwalità tal-arja, jonqos il-ħin li jintilef tistenna fit-traffiku u allura jonqos ukoll il-konsum tal-petrol u d-dijsil li jinħela bil-karozzi weqfin jistennew.

Fil-Kapitlu 3 tar-rapport finali miktub mill-koordinatur tal-EIA hemm eżami tal-alternattivi għall-proġett ta’ toroq propost. Hemm sitt alternattivi li huma kkunsidrati. Dawn ivarjaw milli ma tagħmel xejn għal numru ta’ soluzzjonijiet infrastrutturali differenti. (ara paġna 66 tar-rapport)

Fir-rapport tiegħu l-koordinatur tal-EIA injora waħda mill-iktar miri ċari tal-Pjan Nazzjonali tat-Trasport 2025: it-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq. Meta kien approvat dan il-pjan nazzjonali stabilixxa numru ta’ miri operattivi. Il-mira 2.2.2 tistabilixxi l-ħtieġa ta’ alternattivi għall-karozzi privati biex tkun inkoraġġuta mobilità sostenibbli u tnaqqas il-karozzi miz-żoni fejn hemm il-konġestjoni. (Provide alternatives to private vehicles to encourage sustainable travel patterns and reduce private vehicular demand in the congested hub area). Il-pjan jispjega li dan l-oġġettiv kien identifikat li madwar ħamsin fil-mija tal-vjaġġi li jsiru b’karozzi privati jdumu inqas minn kwarta, liema fatt juri li dawn huma fuq distanzi qosra ħafna (ara paġna 95 tal-pjan).

L-EIA li Infrastruttura Malta tippreżenta għall-konsultazzjoni pubblika jonqos milli jikkunsidra l-implimentazzjoni ta’ dan il-mira fost l-alternattivi differenti kkunsidrati bħala soluzzjonijiet possibli għall-konġestjoni tat-traffiku. Probabbilment li Infrastruttura Malta qed tiffaċċja nuqqas ta’ rieda politika biex tittieħed azzjoni. Xi ħadd jeħtieġ li jispjega għaliex din l-għodda qed tkun skartata daqshekk malajr wara li ddaħlet tifforma parti mill-pjan tat-trasport.

Iktar kmieni dan ix-xahar konna nfurmati b’żieda sostanzjali fl-użu tat-trasport pubbliku matul l-2018. Kien rappurtat li kien hemm 53.4 miljun passiġġier li għamlu użu mit-trasport pubbliku fl-2018. Żieda ta’ 11.25% fuq l-2017. Hu ċar li l-pubbliku qed jirrispondi billi jagħmel użu mit-trasport sostenibbli offrut għall-użu tiegħu.

Transport Malta teħtieġ li taġixxi mingħajr iktar dewmien. Hemm ħtieġa ta’ pjan ċar biex tkun implimentata l-mira tat-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq tagħna. Din hi l-iktar soluzzjoni li tagħmel sens għax hi soluzzjoni li tħares fit-tul. Meta dan il-pjan ikun stabilit, imbagħad ikun possibli li l-proġett Central Link ikun ikkunsudrat mill-ġdid f’kuntrast ma alternattiva realistika.

Sfortunatament il-Gvern naqas milli jifhem li diġa kellu f’idejh is-soluzzjoni għall-problema tal-konġestjoni tat-traffika. Soluzzjoni li tindirizza l-kawza (il-karozzi) flok ma tindirizza l-effett.

Huwa nuqqas kbir li l-EIA jonqos milli jqis dan kollu. Għax l-EIA suppost li hu proċess ta’ eżami indipendenti tas-soluzzjonijiet għall-problemi li ser ikunu indirizzati. Jeħtieġ li dan in-nuqqas ikun indirizzat immedjatament.

 

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 20 ta’ Jannar 2019

 

 

 

 

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s