Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Jannar, flimkien ma 12-il kandidat ieħor għall-Parlament Ewropew, ħadt sehem f’laqgħa ma numru ta’ tfal u żgħażagħ organizzata mill-Fondazzjoni tal-President.
It-tfal ippreżentawlna u ddiskutew magħna dokument bil-ħsibijiet tagħhom fuq diversi suġġetti.
Kellmuna dwar l-immigrazzjoni u emfasizzaw il-ħtieġa li jkunu mħarsa l-immigranti mill-għarqa. L-argumenti dwar x’għandu jsir għandhom jiġu wara li tittieħed azzjoni. (act first, discuss after) Kellmuna ukoll dwar l-iżvilupp bla rażan li għaddej madwarna, dwar is-siġar li qed jinqerdu, dwar il-plastik li jintuża darba u jintrema, dwar il-ħtieġa li jonqsu l-karozzi mit-toroq tagħna, dwar l-enerġija mix-xemx u dwar il-ħarsien tal-annimali.
It-tfal u ż-żgħażagħ kellmuna ukoll dwar bosta temi soċjali: dwar il-vjolenza u l-bullying, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza, l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
It-tfal tkellmu b’konvinzjoni u kienu jidhru li ilhom jiddiskutu bejniethom.
Tkellmu ukoll dwar il-politika u dwar iż-żgħażagħ li kienu ser jivvutaw l-ewwel darba mas-16-il sena. Emfasizzaw kemm kien meħtieġ li minn kmieni l-edukazzjoni li jirċievu tgħinhom jerfgħu ir-responsabbiltajiet tagħhom ta’ ċittadini.
Impressjonawna mhux biss biċ-ċarezza tal-ħsieb tagħhom imma iktar bil-kapaċità li wrew li jippreżentaw kritika kostruttiva dwar dak li qed josservaw jiġri madwarhom.
Dan kien eżerċizzju tajjeb mill-Fondazzjoni tal-President. It-tfal ukoll għandhom jiddiskutu l-politika, għax din għandha tkun għas-servizz tagħhom ukoll.