Adrian Delia: mexxej li jixraq lill-Partit Nazzjonalista

Adrian Delia għandu jibqa’ hemm imexxi lill-PN, ħa juri lil kulħadd x’isarraf u x’kapaċi jagħmel. Mela jirriżenja!

It-tesserati tal-Partit Nazzjonalista għażluh bl-iktar mod demokratiku: kienu jafu x’inhuma jagħmlu, għax fil-ġimgħat qabel ma għażluh kellhom informazzjoni dettaljata dwar il-kapaċitajiet tiegħu. Saru jafu ħafna dwar “il-prinċipji” li hu jħaddan kif ukoll dwar kemm hu kapaċi jimxi tajjeb, b’attenzjoni u reqqa’ etika f’kull ma miss b’idejħ.

Għandhom igawduh ftit issa. Xejn xejn in-Nazzjonalisti jkunu jafu kemm huma kapaċi jagħżlu!

B’Adrian Delia l-Partit Nazzjonalista għandu l-mexxej addattat, il-mexxej li jixraqlu.

Il-kontabilità ……….. taħt l-effett tal-loppju

Il-Kummisarju tal-Ambjent u l-Ippjanar fl-uffiċċju ta’ l-Ombudsman, iktar kmieni din il-ġimgħa ikkonkluda li mhu affari ta’ ħadd jekk membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jattendux jew le l-laqgħat tal-Bord. Dik biċċa tagħhom: hi responsabbiltà tagħhom dwar kif jaġixxu biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom. Meta għaldaqstant, Jacqueline Gili kienet pprovduta bis-servizz ta’ ajruplan privat biex ikun iffaċilitat li hi tattendi għal-laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li fiha kienet diskussa u approvata l-monstrosità tal-dB Group f’Pembroke kien hemm indħil mhux permissibli fil-proċeduri tal-istess awtorità.

Is-Sur Johann Buttigieg, Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, ikkonferma pubblikament li d-deċiżjoni li jġib lil Jacqueline Gili bil-ajruplan privat minn Catania, u jeħodha lura Catania biex tkompli tgawdi l-btala mal-familja tagħha, kienet deċiżjoni tiegħu. F’pajjiż fejn il-governanza tajba hi pprattikata, mhux ipprietkata biss, is-Sur Buttigieg kien jirreżenja immedjatament, inkella kien jitkeċċa bla dewmien hekk kif l-aħbar kienet magħrufa pubblikament. Dan apparti mid-dell kbir li nxteħet fuq il-validità tad-deċżjoni li ttieħdet bħala riżultat ta’ dan l-indħil fil-ħidma tal-Bord.
Imma, huwa fatt magħruf li l-Awtorità tal-Ippjanar mhiex kapaċi tiddeċiedi fuq kaz daqshekk ċar ta’ tmexxija ħażina. M’għandiex il-kuraġġ li taġixxi.

Ma nistgħux nistennew imġieba mod ieħor. Dawk maħtura fl-awtoritajiet pubbliċi huma kkundizzjonati dwar kif iġibu ruħhom mill-mod kif jaraw lill-politiċi li jkunu ħatruhom iġibu ruħhom. U ngħiduha kif inhi: ma tantx għandhom eżempji tajba fuq xiex jimxu.
L-istorja tal-Panama Papers hi waħda relattivament riċenti. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, malli sar jaf li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, waqqfu kumpaniji fl-Amerika Ċentrali, fil-Panama, li hi rinomata bħala post fejn taħbi l-flus u tevita t-taxxi, flok ma keċċihom minnufih, qiesu qagħad jiggusthom daqslikieku ma ġara xejn. Dwar x’seta ġara iktar mill-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri u t-tielet kumpanija misterjuża (Egrant), s’issa għad ma nġiebu l-ebda provi. Dan intqal mill-Qrati repetutament, avolja d-deċiżjonijiet tal-Qrati ġew interpretati b’mod li qieshom naddfu lil uħud assoċjati mal-politika minn kull ħtija possibli. Il-fatti huma mod ieħor, kompletament differenti.

S’issa, bla dubju, hemm assenza ta’ provi kredibbli li jindikaw xi ħtija kriminali. Imma ma nistgħux ngħidu l-istess dwar l-imġieba ta’ dawk involuti. Il-provi magħrufa juru bl-iktar mod ċar li tal-inqas hemm imġieba żbaljata u mhix etika u dan minnu nnifsu jiġġustifika sanzjonijiet politiċi.

Dan ma japplikax biss għal dawk il-persuni li huma esposti għall-politika u li issemmew fil-Panama Papers. Japplika ukoll għal xenarji differenti f’kull kamp politiku.

Fuq livell kompletament differenti, jiena diversi drabi għamilt referenza għal tliet rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar ir-responsabbiltajiet politiċi ta’ Jason Azzopardi, ilkoll konnessi mal-amministrazzjoni ta’ art pubblika. F’kull wieħed minn dawn it-tliet rapporti l-ex-Ministru Jason Azzopardi kien iċċensurat b’qawwa kbira. Ilkoll niftakru meta f’Ottubru 2017 waqt laqgħa pubblika tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi uffiċjal pubbliku kien xehed li l-ex Ministru Azzopardi kien jaf b’dak kollu li kien għaddej. Imma Jason Azzopardi jibqa’ jilgħabha tal-iblah u jagħmel ta’ birruħu li ma kellux idea dwar dak li kien għaddej madwaru.

L-Opposizzjoni s’issa għadha ma ġegħlitux jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu. La ġiegħlet lilu u l-anqas lil oħrajn. Bilfors, f’dan il-kuntest, allura wieħed jistaqsi dwar kif l-Opposizzjoni tippretendi li neħduha bis-serjetà meta tkun kritika ta’ ħaddieħor. Għax l-ewwel u qabel kollox, l-Opposizzjoni għandha tkun kapaċi tapplika għaliha dak li ġustament tippretendi b’insistenza mingħand ħaddieħor.

Sfortunatament il-klassi politika presentment fil-ħatra mhiex kapaċi tipprattika dak li tipprietka. Meta l-partiti politiċi fil-parlament huma b’kuxjenza mraqqda, qiesha taħt l-effett tal-loppju, m’għandniex għalfejn niskantaw b’dak li naraw madwarna.

Ippubblikat fuq Illum :13 ta’ Jannar 2019