X’jiswa’ li nagħmlu l-liġijiet b’ħafna pompa u ftaħir meta l-anqas tilħaq tinxef il-linka li ma jkunux injorati?
Ħafna mill-kritika għall-għoti tal-art lill-Grupp dB ta’ Silvio Debono u issa lill-Grupp Corinthia kienet għax qed iħallsu bil-karawett għal art li tiswa’ miljuni kbar, art li hi tal-pajjiż kollha, għax hi art li hi amministrata mill-Gvern.
Din il-kritika hi ġustifikata kemm fil-konfront tal-Grupp dB kif ukoll fil-konfront tal-Grupp Corinthia, avolja fil-kaz tal-Corinthia l-art diġa kienet f’idejhom.
B’żieda ma dan ser isir ħsara ambjentali kbira. Diġa rajna f’dan il-blog il-ħsara li ser issir bl-approvazzjoni tal-permess tal-Grupp dB.
Issa ma jdumx ma jibda l-proċess tal-applikazzjoni tal-Corinthia. B’żieda mal-ħsara kbira li diġa ser isir bl-applikazzjoni approvata tad-dB (sakemm ma jkunx applikat il-brejk mit-Tribunal tal-Appell) issa ser isir ukoll attakk fuq il-baħar ukoll. Insew li għadhom kemm approvaw fil-Parlament b’vot unanimu liġi li tipproteġi l-kosta.
Gvern li jgħid ħaġa u jagħmel oħra: il-prijorità tiegħu hi li jinkoraġixxi l-ispekulazzjoni.