Malta u Għawdex: problema komuni tat-trasport

Id-dibattitu dwar il-mina bejn Malta u Għawdex għaddej.

Jekk tifli l-argumenti ta’ dawk li qed jesprimu ruħhom favur din il-mina taħt qiegħ il-baħar bejn Malta u Għawdex hemm raġuni waħda li tispikka: iridu jnaqqsu l-ħin li “jaħlu” jivvjaġġaw. Imma din il-problema, jiġifieri l-ħtieġa li nnaqqsu l-ħin li nivvjaġġaw hi problema tagħna lkoll, mhux tal-Għawdxin biss. Hi problema mifruxa prattikament ma Malta kollha. Imma ħadd mhu qiegħed jipproponi li nħaffru mina taħt il-Bajja ta’ Marsamxett biex innaqqsu l-ħin meta immorru minn Tas-Sliema għal Marsamxett. L-anqas mhi qed isir proposta ta’ mina taħt il-Port il-Kbir bejn il-Belt u Bormla avolja din kieku tnaqqas il-ħin biex nivvjaġġaw.

Is-soluzzjoni biex innaqqsu il-ħin tal-ivvjaġġar bejn Tas-Sliema u Marsamxett inkella biex naqsmu min-naħa għall-oħra tal-Port il-Kbir hi li nagħmlu użu aħjar tat-trasport bil-baħar u mhux mini taħt qiegħ il-baħar. Ir-riżultat hu aċċess f’iqsar ħin biex taqsam bejn naħa u oħra taż-żewġ portijiet. Bħala riżultat ta’ dan, kuljum ikun hemm inqas karozzi fit-toroq tagħna. Dan esperiment li diġa qed jaħdem b’ċerta success: min-naħa għall-oħra ma jċaqalqux karozzi imma biss lin-nies.

Il-mobilità bejn Malta u Għawdex tista’ tkun faċilitatà bl-użu ta’ fast ferry service bejn Għawdex, Tas-Sliema u l-Belt Valletta. Ikun mezz li jindirizza l-problema reali: il-mobilità tan-nies.

Sfortunatament dawk li qed jikkampanjaw favur il-mina, immexxija kif inhuma mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, iddeċidew li l-unika soluzzjoni biex tkun indirizzata in-nuqqas ta’ mobilità sostenibbli bejn Malta u Għawdex hi mina. Din hi fil-fatt l-agħar soluzzjoni għax tagħmel ħsara kbira u irriversibbli lill-Għawdex.

Il-problema f’dan kollu huma l-karozzi: jekk jirnexxielna inneħħuhom mill-konsiderazzjoni tagħna, naslu. Dan hu fil-fatt l-ikbar ostaklu biex naslu għal soluzzjoni sostenibbli għall-problemi ta’ mobilità li qed niffaċċjaw: mhux biss dawk ta’ Għawdex imma f’kull rokna tal-gżejjer Maltin.

Jiena emfasizzajt repetutament li is-soluzzjoni għall-probemi tagħna ta’mobilità qegħdin filli nirrispettaw u nimxu mal-Pjan Nazzjonali għat-Trasport 2025 li kien approvat għal Malta fl-2016. Is-silta segwenti li ħadt minn dan il-pjan tispjega b’mod ċar dak kollu li hemm ħażin fl-ippjanar tat-trasport f’Malta:

“Improve integrated and long-term strategic planning and design: This objective has been defined since historically, it can be seen from experience that the approach to transport planning and policy in Malta has generally been more short-term (4-5 years) in nature. The lack of importance given to long-term planning means that a long-term integrated plan based on solid analysis with clear objectives and targets is lacking. This has resulted in the lack of strategic direction and the inherent inability to address difficult issues such as private vehicle restraint.

There is a strong reluctance for Maltese society to change but this is in contrast with the need for communal actions to address the traffic problems existing now and in the future. This results in the Maltese traveller expecting that everyone else will change their travel habits so that they can continue to drive their car.” (paġna 88 tal-Pjan Nazzjonali tat-Transport 2025)

Ħallejtha appost fl-oriġinal għax naħseb li tinftiehem mingħajr ħtieġa ta’ traduzzjoni. Fi ftit kliem din is-silta tgħidilna li ma nistgħux nibqgħu nippjanaw mil-lum għal għada. Hemm ħtieġa li nħarsu fit-tul. In-nuqqas li nagħmlu dan fisser li bqajna ma indirizzajniex id-dipendenza tagħna fuq il-karozzi. Għax is-soċjeta Maltija tibża’ mill-bidla: tippretendi li kulħadd jibdel id-drawwiet tiegħu biex hu (jew hi) jkun jista’ jibqa’ jsuq il-karozz!

Malta u Għawdex għandhom problema tat-transport komuni. Problema deskritta minn kelma waħda: karozza. Is-soluzzjoni għal din il-problema tirrikjedi alternattivi għall-karozza: il-mina mhiex waħda minn dawn is-soluzzjonijiet. Fil-mument li nkunu lesti li naqtgħu d-dipendenza tagħna fuq il-karozza il-problema tissolva b’faċilità.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s