Fi gwerra, safejn naf jien, jitlef kulħadd. Għax gwerra tfisser li jkunu ngħalqu t-toroq kollha ta’ komunikazzjoni. Tfisser li r-raġuni ma għadx għandha użu.
Dikjarazzjoni ta’ gwerra tfisser li l-forza fiżika jew verbali u l-insulti huma l-għodda preferuti ta’ min ikun għamel din id-dikjarazzjoni.
Dalgħodu t-Times online ħabbritilna dikjarazzjoni ta’ gwerra li għamel il-Kap tal-Opposizzjoni Adrian Delia. Qaltilna t-Times li din id-dikjarazzjoni ta’ gwerra saret kontra dawk li ġew deskritti bħala t-tradituri fil-partit.
Ċertament li din mhiex l-aħjar siegħa tal-Partit Nazzjonalista. Għax li tiddeskrivi lil dawk li ma jaqblux miegħek bħala tradituri hi gravi ħafna u tirrifletti l-livell ta’ diskussjoni interna fil-Partit Nazzjonalista. Tfisser ukoll attitudni intolleranti lejn min għandu opinjoni differenti minnek u għandu l-kuraġġ li jsemma’ leħnu: fil-beraħ meta tollerat jew tollerata u fejn id-demokrazija interna hi mħaddma, bil-moħbi f’ċirkustanzi oħra.
Ma għandi l-ebda dubju li mhux kulħadd fil-Partit Nazzjonalista jixtieq li tibda din il-gwerra għax gwerra, ħerba biss tħalli warajha.
Bħal kulħadd jiena ukoll nisma’ stejjer dwar dak li għaddej. Dwar video clips li ħarġu u qed jiġu ċċirkulati u oħrajn li huma mistennija dalwaqt. Dawn huma affarijiet li ma jagħmlu ġieħ lill-ħadd. Imma jirriflettu l-istat miżerabbli li irriduċiet ruħha fiha kemm il-politika Maltija kif ukoll il-Partit Nazzjonalista.
Kulħadd jixtieq jara żminijiet aħjar fejn ir-raġuni w is-sens komun jitħallew jaħdmu. Ikun forsi l-mument fejn il-poliiku jġib ruħu sewwa, dejjem, kemm mal-ħbieb kif ukoll mal-għedewwa. Inkluż mat-tradituri!