It-tibdil fil-klima hi kawża ta’ inġustizzji

Kulħadd hu konxju li f’partijiet differenti tad-dinja t-temp għaddej minn estrem għall-ieħor. In-National Geographic, riċentement, taħt it-titlu “It-tibdil fil-klima tisforza Gwatemali biex jemigraw” irrappurtat ukoll li “n-nixfa u t-tibdil fil-klima qed jagħmilha diffiċli għall-bdiewa ta’ mezzi żgħar biex jgħajxu lill-familji tagħhom. Dan qed iwassal għal kriżi umanitarja.”

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Ikel (FAO) u l-Programm Dinji tal-Ikel tal-Ġnus Magħquda huma kkonċernati li n-nixfa qed ikollha impatt sostanzjali fuq dawk l-iktar vulnerabbli fl-Amerika Ċentrali. Din diġa wasslet biex intilfu 280,000 ettaru ta’ raba’ fil-Gwatemala, l-El Salvador u l-Honduras, u bħala riżultat ta’ dan effettwat is-sigurta tal-ikel ta’ żewġ miljun ruħ.

Nafu anke minn esperjenza tagħna stess f’Malta kif in-nixfa u l-għargħar huma kawża ta’ ħsara kbira lill-uċuħ tar-raba’: ħsara li qed tkun iktar spissa.

Xi pajjiżi qed isofru min-nuqqas ta’ xita. Oħrajn għaddejjin minn esperjenza differenti: fi ftit ġranet ikollhom ix-xita kollha li normalment tagħmel f’sena u dan bil-konsegwenza ta’ għargħar kbar. Dan it-tibdil fil-klima qed iseħħ ħtija tal-ħidma u l-imġieba tal-bniedem, ħidma mifruxa fuq ħafna snin li wasslet għal żidiet sostanzjali ta’ emissjonijiet ta’ karbonju (carbon emissions).

Hu ċar li t-tibdil fil-klima hu theddida għar-riżorsi bażiċi tal-ikel u l-ilma li fuqhom jiddependu l-komunitajiet tal-ġnus: dan kollu hu ostaklu kbir għad-dritt għal ħajja li għandu kull wieħed u waħda minna.

Il-politika dwar il-bidla fil-klima, fuq inizjattiva u l-insistenza ta’ stati gżejjer, ewlenin fosthom il-gżejjer fil-Paċifiku, preżentement qed tiffoka fuq il-ħtieġa li ż-żieda fit-temperatura tad-dinja ma taqbiżx 1.5 grad Celsius fuq it-temperatura pre-industrijali. Hemm kunsens fost il-komunità xjentifika globali li jekk iż-żieda taqbeż din iċ-ċifra hemm possibilità kbira ta’ apokalissi klimatika. Dan ma jikkawżax biss estremitajiet ta’ nixfa u għargħar imma ukoll jogħla l-livell tal-baħar b’mod li jinqerdu z-zoni kostali kif ukoll gżejjer diversi jispiċċaw taħt wiċċ l-ilma.

Ir-rapport speċjali tal-lnter-governmental Panel on Climate Change (IPCC) ippubblikat f’Ottubru li għadda jispjega fid-dettall il-veduti tal-komunità xjentifika globali dwar x’inhu jiġri: jispjega x-xjenza tal-bidla fil-klima u l-effett ta’ dan fuq id-dinja. 224 xjenzjat ewlieni minn 40 pajjiż differenti eżaminaw 30,000 studju xjentifku: il-konklużjonijiet tagħhom ma jistgħux ikunu injorati.

Ir-rapport tal-IPPC iwissina li t-temperatura tad-dinja diġa għoliet bi grad Celsius fuq it-temperatura pre-industrijali. Jekk nibqgħu għaddejjin bl-istess livell ta’ attività, sa mhux iktar tard mis-sena 2050 din it-temperatura ser tiżdied b’nofs grad Celsius ieħor, ikompli jwissina r-rapport. Għal din ir-raġuni l-komunità xjentifika hi tal-fehma li l-emmissjonijiet tal-karbonju għandhom jonqsu tant li sa mhux iktar tard mis-sena 2050 l-emmissjonijiet netti jkunu zero.

Hemm resistenza għal dan l-oġġettiv f’numru ta’ pajjiżi. Erbgħa minnhom (ir-Russia, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Kuwajt u l-Arabja Sawdita) ippruvaw ixellfu l-kunsens globali dwar il-konklużjonijiet tar-rapport tal-IPPC waqt il-laqgħa f’Katowice dwar il-klima iktar kmieni dan ix-xahar.

Kull pajjiż għandu sehem x’jagħti biex it-tnaqqis fl-emmissjonijiet jintlaħaq, u dan soġġett għall-prinċipju ambjentali li jistabilixxi li r-responsabbilta għalkemm hi waħda komuni tintrefa b’mod differenti (principle of common but differentiated responsibility). Anke Malta teħtieġ li terfa’ is-sehem tagħha ta’ din ir-responsabbiltà b’mod li tikkontribwixxi biex jonqsu l-emissjonijiet tal-karbonju ħalli jkun assigurat li ż-żieda ta’ 1.5 gradi fit-temperatura tad-dinja ma tinqabizx.

Meta l-ġenerazzjoni tal-enerġija f’Malta ma baqgħitx issir bl-użu tal-HFO (heavy fuel oil), żejt maħmuġ, u minflok qlibna għall-gass sar pass importanti l-quddiem. Imma meta nħarsu fit-tul dan mhux biżżejjed għax il-gass hu fuel ta’ transizzjoni: transizzjoni fit-triq lejn enerġija li tkun iġġenerata kompletament minn sorsi renovabbli. Neħtieġu iktar enerġija ġġenerata mix-xemx u mir-riħ kif ukoll għandna bżonn nagħrfu nagħmlu użu tajjeb mill-enerġija ġġenerata mill-mewġ li hi abbundanti fl-ibħra madwarna.

L-applikazzjoni tat-teknologija f’dawn l-oqsma toħloq xogħol sostenibbli u fl-istess ħin ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

F’dan is-sens il-qasam tat-trasport f’Malta għadu ta’ uġiegħ ta’ ras u dan minħabba l-emmissjonijiet tal-karbonju li jirriżultaw miż-żieda astronomika ta’ karozzi fit-toroq tagħna. Sfortunatament, flok ma jinvesti f’trasport sostenibbli, l-gvern għaddej bi programm intensiv ta’ żvilupp tal-infrastruttura tat-toroq li inevitabilment ser iwassal biex jinkoraġixxi użu ikbar tal-karozzi fit-toroq tagħna. Dan iwassal biex jikkanċella l-progress li sar biż-żieda reġistrat fl-użu tat-trasport pubbliku.

Biex tkompli tagħmel l-affarijiet agħar, il-mina bejn Malta u Għawdex hi essenzjalment mina għall-karozzi,mhux mina għan-nies. Hu stmat li bħala riżultat ta’ din il-mina proposta ċ-ċaqlieq ta’ karozzi bejn iż-żewġ gżejjer jiżdied minn medja ta’ 3,000 għal medja ta’ 9,000 kuljum, u dan fi żmien 15-il sena. Hu possibli li jkun provdut serviz alternattiv u sostenibbli, indirizzat biss lejn in-nies, permezz ta’ dak li nirreferu għalih bħala fast ferry. Dan jista’ jwassal lin-nies dritt minn Għawdex saċ-ċentri kummerċjali tal-pajjiż. Il-karozzi, imma, huma fattur ċentrali għall-mina proġettata u dan għax il-ħlas li jsir għall-użu tal-mina huwa dipendenti fuq in-numru ta’ karozzi li jagħmlu użu minnha!

Dan kollu jmur kontra l-ispirtu tal-Pjan Nazzjonali għat-Trasport-2025 li jistabilixxi l-oġġettiv ta’ tnaqqis ta’ karozzi mit-toroq tagħna bħala mira li tista’ tintlaħaq. It-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq tagħna mhux biss itejjeb il-kwalità tal-arja li permezz tagħha nieħdu n-nifs: hu ukoll il-kontribut żgħir tagħna bħala pajjiż kontra l-inġustizzji maħluqa minn tibdil fil-klima għax inkun qed innaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju bil-konsegwenza ta’ tnaqqis fiż-żieda tat-temperatura tad-dinja.

Għax il-ġlieda kontra l-inġustizzji li qed jinħolqu bit-tibdil fil-klima hi responsabbiltà tagħna ukoll.

 

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 30 ta’ Diċembru 2018

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s