Mill-Kummissjoni Venezja: Malta demokrazija parlamentari?

Meta tipprova tifhem dak li ntqal mill-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa tirriżulta preokkupazzjoni waħda bażika: Malta demokrazija parlamentari? Meta tgħarbel l-opinjoni li kienet ippubblikata iktar kmieni din il-ġimgħa tasal għal konkulżjoni loġika: id-demokrazija parlamentari f’Malta hi prattikament ineżistenti. Minflok għandna ċentraliżmu demokratiku bil-Kabinett jiddetta lill-Parlament. Dik li fuq il-karta hi l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż hi fil-fatt sudditu tal-Kabinett.

Wasal iż-żmien li l-Parliament jieħu l-mazz f’idejh. Din hi l-qalba ta’ dak li għandu jkun ikkunsidrat f’riforma kostituzzjonali massiċċa li hi meħtieġa.

L-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja teżamina diversi materji. Hi intitolata “Malta: Opinion on Constitutional Arrangements and Separation of Powers and the Independence of the Judiciary and Law Enforcement.”

Dan mhu xejn ġdid għalina f’Alternattiva Demokratika. Jekk wieħed jgħarbel il-manifesti elettorali, stqarrijiet u artikli minn esponenti ta’ AD tul is-snin hu ċar li l-parti l-kbira ta’ dak li tgħid il-Kummissjoni Venezja ġie indirizzat minn Alternattiva Demokratika. Imma dak li qalet AD ġie repetutament injorat mill-klassi politika diriġenti li kontinwament injorat il-ħtieġa ta’ bidla. Qatt ma kellhom rieda tajba li jindirizzaw il-poteri kolonjali tal-gvernatur li fil-parti l-kbira tagħhom għaddew għand il-Prim Ministru u rabbew l-għeruq fil-kostituzzjoni u l-liġijiet tagħna. Il-mentalità li min jirbaħ ikaxkar kollox trid tispiċċa u tinbidel f’waħda fejn kull settur tas-soċjeta ikollu rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fejn il-Parlament ma jibqax servili lejn il-Kabinett imma jkun kapaċi li jieqaf fuq saqajh u jagħti direzzjoni hu lill-Kabinett.

Fl-opinjoni tiegħi mhux korrett li jingħad li d-demokrazija f’Malta hi pprattikata fuq il-mudell ta’ Westminister. Iktar inkunu korretti jekk nirrealizzaw li l-mudell hu dak imfassal mill-Uffiċċju tal-Kolonji imma mlibbes ilbies kostituzzjonali iktar riċenti: gvernatur liebes ta’ Prim Ministru.

Il-problema bażika hi li l-Parlament Malti ġie ikkastrat mill-PNPL. Hu Parlament ineffettiv għax m’għandux ir-rieda politika li jġiegħel lill-Gvern jagħti kont ta’ għemilu: la l-Gvern tal-lum u l-anqas lil dawk li ġew qabel .

Il-Kummissjoni Venezja tidħol fil-qalba tal-materja meta tipponta lejn żewġ punti fundamentali li jeħtieġ li jkunu indirizzati.

Id-defiċjenza kostituzzjonali bażika f’Malta hi li l-Prim Ministru għandu f’idejh poteri kbar, wirt mill-gvernaturi kolonjali u f’ħafna każi bla jedd tal-Parlament li jara x’inhu għaddej. Dan iżeblaħ dik li nirreferu għaliha bħala demokrazija parlamentari u hu l-kawża tal-problemi kollha indirizzati mill-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja.

It-tieni problema hi l-membri parliamentari servili lejn l-eżekuttiv dejjem ifaqqsu: jistennew it-tqassim mill-Prim Ministru ta’ ħatrijiet intenzjonati biex iżommuhom okkupati u allura ma jkollomx il-ħin biex isaqsu u jgħarblu dwar il-ħidma tal-Gvern.
Dawn mhumiex problemi li ħoloqhom Joseph Muscat. Inħolqu minn ta’ qablu u ġew ipperfezzjonati tul is-snin biex ikun assigurat li ħadd ma jazzarda jaħseb b’moħħu. Il-ftit eċċezzjonijiet jippruvaw ir-regola!

L-aħħar tibdil sar mill-Parlament b’maġġoranza Laburista elett fl-2013 meta sar tibdil f’diversi liġijiet biex ikun possibli li membri parlamentari (laburisti) jkunu jistgħu jinħatru f’diversi karigi, bi ħlas sostanzjali. Dan jassigura li ħadd minnhom ma jiftaħ ħalqu biex ikun kritiku tal-Gvern għax kollha għandhom idhom fil-borma.

Lawrence Gonzi ipprattika dawn l-affarijiet, filwaqt li Joseph Muscat irfina s-sistema.

L-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja titkellem dwar bosta materji oħra ta’importanza kbira. Imma fl-opinjoni tiegħi, fl-aħħar, dak kollu li jingħad hu rifless f’punt wieħed : it-tmexxija għandha tkun f’idejn il-Parlament li għandu jibni demokrazija parlamentari ta’ vera u jġiegħel lill-Kabinett jagħti kont ta’ egħmilu kontinwament. Il-kumplament ikun il-konsegwenza loġika ta’ dan.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 23 ta’ Diċembru 2018

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s