Konrad Mizzi qed jgħidilna li qed jirfsulu d-drittijiet tiegħu. Miskin, inkwetat li qed jippruvaw iċappsulu l-integrità tiegħu.
Hi verament ħasra li Konrad, u oħrajn, huma konxji ħafna ta’ dak li jaħsbu li huma d-drittijiet tagħhom, imma m’għandhom l-ebda idea tad-drittijiet tagħna lkoll.
Jiena dejjem kont (u għadni) xettiku dwar akkużi ta’ korruzzjoni għax dawn hu dejjem diffiċli ħafna biex tippruvahom. Jiġifieri minkejja s-suspetti kollha li hawn, avolja huma suspetti fondati u nkwetanti ħafna, dawn jibqgħu suspetti.
Ir-rapporti tal-inkjesti tal-maġistrati, kemm dawk konklużi kif ukoll dawk li għad iridu jkunu konklużi, meta dawn jgħidu li ma sabu xejn, ikunu preċiżi. Ma jkunux qed jgħidu li ma hemmx korruzzjoni jew li t-tali mhux korrott, imma biss li quddiemhom ma nġiebet l-ebda prova. Mhux li provi ma hemmx, imma li dawn ma ġewx ippresentati quddiemhom.
L-ispin politika iżda twassal messaġġ differenti kontinwament. Għax id-dellijiet jibqgħu hemm, minkejja kollox, u n-nies dan tafu. Għalhekk Konrad u ta’ madwaru inkwetati għax l-ispin tqawwi (biss) qalb dawk konvinti: imma l-bqija jibqgħu inkwetati li l-pajjiż qiegħed f’idejn ċorma ħallelin: inħossuha lkoll kemm aħna, avolja l-provi għad m’humiex ċari. Xi darba imma jkunu, nittama li f’data mhux fil-bogħod.
Sadanittant għandna l-obbligu li ma nesagerawx f’dak li ngħidu. Għax il-kummenti żejda jistgħu jkunu kontro-produċenti.