Għal uħud il-ġranet tal-Milied huma festa ta’ rigali u divertiment. Bonanza ta’ kummerċ.
Imma forsi hemm min hu konxju li l-Milied li nikkommemoraw ukoll bil-presepju hu ukoll okkazjoni ta’ reflessjoni dwar l-għar ta’ Betlehem: dwar kif u għaliex bnedmin iwarrbu u jistmerru lill-oħrajn.
Il-Milied hu ukoll il-festa tar-refuġjati u tal-immigranti madwarna maħrubin minn pajjiżhom għal elf raġuni: persekuzzjoni, faqar, tiftix ta’ ħajja aħjar.
Il-presepju hu xbieha ta’ familja li m’għandiex saqaf fuq rasha u sabitu fi stalla qalb l-annimali. L-istatwi fil-presepju huma riflessjoni ta’ din ir-realtà li għadha magħna u tibqa’ minkejja kull progress li niftaħru bih.
F’dawn il-ġranet tal-Milied aħna u nosservaw il-biżibilju presepji fil-gżejjer Maltin ikun tajjeb jekk nirriflettu ftit kif naħsbuha fuq ir-refuġjati u l-immigranti fostna.
Il-Milied it-tajjeb.