1. Ippjanar għall-użu tal-art
Tnax-il sena ilu meta l-pjani lokali kienu approvati mill-Ministru responsabbli mill-Ippjanar tal-Użu tal-Art, il-Parlament għadda biex ta l-approvazzjoni tiegħu biex meded kbar ta’ art fil-periferiji taz-zoni urbani tagħna jingħataw għall-bini. 12-il sena wara li l-Parlament approva l-ezerċiżżju ta’ razzjonalizzazzjoni xi residenti għadhom ma ndunawx kif għaddewhom biż-żmien. Xi drabi uħud mill-Membri Parlamentari li dakinnhar ivvutaw favur li art fl-ODZ issir tajba għall-bini, illum għandhom l-ardir li jkunu fuq quddiem jippuppaw sidirhom “f’appoġġ” għar-residenti li f’daqqa waħda jindunaw li d-dar tal-ġirien ser taqa’ u flokha tielgħa blokka appartamenti. Issa daqshekk xemx fuq il-pannelli li għadhom kemm ħallsu u stallaw ftit ilu!
Kważi kuljum nirċievi emails mingħand residenti li jkunu jixtiequ joġġezzjionaw għal żvilupp propost f’diversi lokalitajiet. Jiċċassaw meta ninfurmaw li ż-żmien għall-oġġezzjonijiet għalaq madwar 12-il sena ilu. L-parti l-kbira tar-residenti ma jiftakrux l-ismijiet tal-membri parlamentari li għaddewhom biż-żmien.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kelli każijiet fil-Mellieħa, il-Mosta, Marsaxlokk, Wied il-Għajn u H’Attard. U għad hemm ħafna iktar.
2. Il-bdil fil-klima u l-karozzi tal-elettriku
Studju ippubblikat nhar il-Ġimgħa fil-Journal Nature Communications jiġbed l-attenzjoni li jekk wieħed iqabbel l-emmissjonijiet attwali ta’ diversi pajjiżi ma’ dak li wegħdu f’Pariġi sentejn ilu fil-laqgħa dwar it-tibdil fil-klima, għadna ħafna lura biex jintlaħqu l-miri stabiliti.
Il-wegħdiet faċli biex isiru imma sfortunatament mhux faċli biex jinżammu.
It-trasport hu illum il-kontribut ewlieni ta’ Malta għat-tibdil fil-klima. Madwar sena ilu l-Prim Ministru Muscat kien qal li mhux ‘il-bogħod li jieqfu l-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-disil mit-toroq tagħna biex flokhom nibdew nużaw karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Għadna nistennew lill-Gvern iħabbar il-pjan tiegħu.
3. 17 Black
L-aħbar mil-Latvja dwar l-ismijiet assoċjati mal-kumpanija 17 Black u ċ-ċaqlieq ta’ flus maħmuġin madwar id-dinja ikomplu jagħtu l-kulur lill-istorja li ma tispiċċa qatt dwar il-ħasil tal-flus. Tajjeb li niftakru f’dik iż-żjara uffiċjali f’Baku f’Diċembru 2014 meta l-ebda uffiċjal taċ-ċivil jew ġurnalista ma kien preżenti. Dakinnhar staqsejna għalfejn? Possibilment it-tweġiba illum qegħda tiċċassa lejna.
4. L-istrateġija ta’ Bedingfield
Nhar il-ġimgħa kienet l-aħħar ġurnata għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-Kottonera li jidher li qegħda f’idejn Glenn Bedingfield. Qed jipproponu t-twaqqif ta’ fondazzjoni biex timplimenta l-istrateġija. Donnu li Glenn ftit jimpurtah mill-kunsilli lokali jew mill-kunsill tar-reġjun li s-sens komun jgħidlek li għandhom ikunu huma nkarigati bl-implementazzjoni. Forsi Glenn għadu ma ndunax li hemm “konsultazzjoni pubblika” oħra għaddejja, din id-darba dwar il-gvern lokali u għadha għaddejja sa l-aħħar ta’ Novembru. X’għala biebu!
5. L-appell dwar id-dB
L-appell kontra l-permess ta’ żvilupp li nħareġ lid-dB għat-tħarbit tas-sit tal-ITS f’ Pembroke jibda nhar it-Tlieta. It-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar (il-Bord tal-appell) irid jibda biex jiddeċiedu dwar it-talba li għandu quddiemu minn dawk li qed jopponu l-permess biex ix-xogħol li diġa beda jieqaf immedjatament u jibqa’ hekk wieqaf sa meta jinqata’ l-appell. Wara it-Tribunal jibda jikkonsidra sottomissjonijiet fuq kull waħda mit-18-il raġuni li hemm biex il-permess jitħassar: ibda mill-kunflitt ta’ interess tal-aġent tal-propjetà membru tal-bord li japprova l-permessi tal-bini kif ukoll bir-regoli kollha li nkisru meta kien approvat dan il-permess ta’ żvilupp.
Ippubblikat fuq Illum: Il-Ħadd 18 ta’ Novembru 2018