L-ilma tax-xita: l-inkompetenza tal-awtoritajiet

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, fl-aħħar diskors tal-Baġit qalilna : “Il-Gvern huwa wkoll kommess li jkompli jaħdem biex jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar f’pajjiżna. Għaldaqstant, se jsiru studji dettaljati sabiex jiġu żviluppati aktar miżuri li jistgħu jnaqqsu dan ir-riskju filwaqt li jimmassimizzaw l-użu tal-ilma tax-xita.”

Edward Scicluna bla dubju jaf li bħala riżultat tat-tibdil fil-klima l-maltempati kif ukoll ix-xita qed ikunu ta’ natura iktar intensivi. Meta tinżel ix-xita, b’mod partikolari meta tkun qawwija, l-infrastruttura tagħna ma tistax tlaħħaq. Imma minbarra l-impatti kkawżati mill-klima għandna fuqna ukoll il-piz u r-riskji kkawżati minn regolaturi nkompetenti.

F’Malta għal dawn l-aħħar 138 sena, il-liġi pprovdiet biex ikun hemm l-obbligu li jkollna l-bjar għall-ilma tax-xita fid-djar. Il-qisien tal-bjar varja tul is-snin. Originalment il-qies kien dipendenti fuq il-qies total tas-sulari kollha mibnija. Illum il-ġurnata dan tnaqqas biex ikun relatat mal-qies tal-art mibnija.

Sfortunatament dawn ir-regoli ftit huma osservati. Din mhiex storja li bdiet illum, ilha għaddejja snin twal possibilment sa mis-snin 60, żmien meta l-industrija tal-bini kienet għaddejja b’rankatura kbira. Jiena niftakar, meta kont għadni student, ftit snin ilu mhux ħażin, kont rajt rapport li kien tħejja għall-Gvern Malti minn esperti mibgħuta mill-Ġnus Magħquda. Dakinnhar diġa kien ċar li waqt u wara maltempati qawwija l-ilma għaddej mis-sistema tad-drenaġġ kien jiżdied b’mod astronomiku u dan billi ħafna ilma tax-xita flok ma jinġabar fil-bjar kien qed jintrema fid-drenaġġ. Is-sitwazzjoni, minn dakinnhar, marret ħafna għall-agħar!

Flok mal-ilma tax-xita jinġabar fil-bjar, f’ħafna każi qed jintrema fit-toroq, inkella direttament fis-sistema tad-drenaġġ pubbliku. Ammont enormi ta’ ilma tax-xita li nistgħu nutilizzaw qed jintrema. Ħafna, jekk jużaw l-ilma tax-xita jistgħu jnaqqsu b’mod drastiku l-kontijiet tal-ilma!

Meta l-ilma tax-xita jintrema fid-drenaġġ, dan mhux biss ifur fit-toroq tagħna imma minħabba li jgħabbi l-impjant tal-purifikazzjoni tad-drenaġġ b’ammont zejjed ta’ ilma iżid b’mod konsiderevoli l-ispejjes għat tmexxija tal-impjant.

Il-parti l-kbira tal-ħtija għal dan trid tinġarr minn dawk li jiżviluppaw il-propjetá. Anke l-Gvern, direttament, kif ukoll permezz tal-aġenziji tiegħu, fil-passat riċenti kien responsabbli għall-iżvilupp ta’ housing estates li fihom ma tinġabarx qatra ilma tax-xita!
Hu fatt magħruf li fejn żvilupp residenzjali jkun fih garaxxijiet parzjalment jew kompletament taħt il-livell tat-triq ftit għandna bjar għall-ilma tax-xita. L-Awtoritá tal-Ippjanar hi responsabbli biex tassigura li l-kundizzjonijiet tal-permessi tal-iżvilupp ikunu osservati: dawn kważi dejjem jinkludu l-obbligu li jinbena bir biex fih jinġabar l-ilma tax-xita. Imma ħafna drabi, għall-Awtoritá tal-Ippjanar, qiesu ma ġara xejn jekk il-bir ippjanat jibqa’ fuq il-karta.

Min-naħa l-oħra, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) matul dawn l-aħħar snin assumiet ir-responsabbiltá għas-sistema kollha tad-drenaġġ, liema responsabbiltá qabel kienet f’idejn id-Dipartiment tad-Drenaġġ. Din ir-responsabbiltá tinkludi l-għoti tal-permess biex bini ġdid jiġi imqabbad mas-sistema tad-drenaġġ.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma x’verifiki qed tagħmel li l-katusi tad-drenaġġ biss qed jitqabbdu mas-sistema pubblika tad-drenaġġ? Qed isiru verifiki li m’hemmx katusi tal-ilma tax-xita ukoll? It-tweġiba teħduha waħedkom fit-toroq tagħna f’ġurnata ta’ xita qliel. Ħadd mhu jagħmel verifika dwar dak li qed jiġri.

Dan kollu jwassal għall-konklużjoni li waqt li l-ħtija ewlenija għall-qagħda preżenti hi tal-industrija tal-bini, għax, iktar le milli iva ma tipprovdix bjar għall-ilma tax-xita fi żvilupp ġdid, il-ħtija mhiex tagħha biss. L-awtoritajiet u d-dipartimenti tal-Gvern għandhom ukoll iġorru s-sehem tagħhom tar-responsabbiltá minħabba li ma onorawx l-obbligi regolatorji tagħhom. L-Awtoritá tal-Ippjanar u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (u dawk li ġew qabilhom) setgħu waqqfu dan l-abbuz, imma ma għamlu xejn.

Meta jkollna xita qliel, jew xita għal ħin twil, diffiċli tgħaddi minn ċertu toroq f’Malta u Għawdex. Dan hu sors ta’ periklu u fil-fatt id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ikun okkupat ħafna f’dawn iż-żminijiet jgħin lil min ikun f’diffikulta minħabba l-għargħar.
Fondi tal-Unjoni Ewropea ntużaw biex jiġu ffinanzjati mini taħt l-art biex l-ilma tax-xita fit-toroq jinġabar u jintrema l-baħar. Fondi pubbliċi intużaw biex jinħbew irregolaritajiet li sar mis-settur privat. Mhux biss, imma ntużaw ukoll biex riżors prezzjuż jintrema. Dawn il-fondi setgħu intużaw ferm aħjar kieku intużaw biex l-ilma inġabar u nħażen fl-ibliet u l-irħula tagħna, flok ma ntrema.

Il-parir tiegħi lil Edward Scicluna hu li, flok ma jinħlew iktar fondi pubbliċi, għandu jassigura ruħu li l-Awtoritá tal-Ippjanar u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jwettqu l-obbligi regolatorji tagħhom. Meta jagħmlu dan, parti mdaqqsa mill-problema tal-ilmijiet fit-toroq tagħna tisparixxi.

 

Ippubblikat fuq Illum: 4 ta’ Novembru 2018

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s