AD dwar il-BUDGET 2019 – “IL-KEJL TAL-KWALITA` TAL-ĦAJJA MA JISTAX IKUN BISS IL-FLUS”

PR23/10/2018 BUDGET 2019 – “IL-KEJL TAL-KWALITA` TAL-ĦAJJA MA JISTAX IKUN BISS IL-FLUS” – AD

Fi stqarrija bl-ewwel reazzjonijiet għall-Budget iċ-Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo qal li min-naħa, il-proposti tal-Budget isaħħu ix-xibka soċjali billi jgħin diversi kategoriji ta’ persuni. Madanakollu, l-kejl tal-progress tal-kwalita` tal-ħajja imbagħad jieqaf ħesrem milli jikkunsidra aspetti ohra daqstant ieħor importanti.

Jagħmel sens li tissemma l-ħtieġa ta’ riċiklar tal-iskart. Li l-budget ma jindirizzax huwa kif dan l-isforz jintegra ruħu fl-ekonomija ċirkolari anke jekk il-ministru tal-ambjent kemm-il darba ftaħar fuq il-priorita` ta’ din l-ekonomija. Fid-diskors kollu, l-ekonomija ċirkolari ma tissemmiex darba. Jinbet għaldaqstant is-suspett li l-gvern tilef il-boxxla fuq aspett tant importanti fuq bazi ekonomika, soċjali u ambjentali.

Id-diskors jagħmel enfasi fuq il-generazzjoni tal-enerġija mill-inċinerazzjoni tal-iskart li tirrikjedi volumi kbar ta’ skart biex tkun vijabbli. Id-diskors ma jsemmi xejn fuq kif dan jintrabat ma inizjattivi ta’ riċiklar li jnaqqsu l-istess volum tal-iskart. Il-Gvern qisu jrid jikkonvinċina li min-naħa l-waħda jrid inaqqas l-iskart imma min-naha l-oħra għandu bżonnu għax mingħajru l-inċineratur ma jaħdimx.

Id-diskors tal-budget jagħti wkoll impressjoni li qed jindirizza aspetti importanti li jimpattaw il-kwalita` tal-ħajja meta fil-fatt joffri biss soluzzjonijiet nofs leħja. Fosthom hemm il-politika dwar l-ilma. Id-diskors isemmi inċentivi għal tiswijiet ta’ bjar eżistenti imma ma jagħmel l-ebda sforz biex jindirizza il-kwistjoni akuta ta’ abitazzjonijiet bla bjar li bħala konsegwenza ta’ dan jarmu l-ilma tax-xita fid-drenaġġ jew fit-toroq. AD kienet tistenna kif dan in-nuqqas nazzjonali jibda jiġi ndirizzat kemm għax jikkonserva l-ilma kif ukoll għax itaffi l-gharghar kif ukoll inaqqas il-fawran tad-drenaġġ fit-toroq Maltin wara xita qalila bħalma kellna fl-aħħar jiem.
L-istess jista’ jingħad għal soluzzjonijiet tal-konġestjoni tat-traffiku. Id-diskors jalludi għal inċentivi fiskali li jħajru l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport filwaqt li jinjora għal kollox aspetti iktar kruċjali. Il-Perit Cacopardo tenna li inutli li l-gvern ser jonfoq mitt miljun fit-toroq f’sena meta kull ma qed jagħmel huwa li jakkomda iktar karozzi fit-toroq. Daqstant ieħor huwa inutli li l-budget jagħti inċentivi fuq ix-xiri ta’ roti u pedelecs jekk ma jiżgurax infrastruttura adegwata biex dawn il-mezzi jintużaw mingħajr periklu.

Fuq l-ambjent in ġenerali il-budget għal darb’ oħra jerġa’ jitkellem fuq pjan strategiku għall-ambjent qisu pjan strategiku bħala pajjiz qatt ma kellna. Il-Perit Cacopardo qal li dan jinkwieta lil AD għax jagħti l-impressjoni li pajjiżna ser jerġa’ jinħela fuq strateġija oħra meta li jonqos hija fuq kollox l-azzjoni konkreta li biha jiġu attwati il-pjanijiet strateġiċi li bħala pajjiz ilna s-snin li ddiskutejna u fassalna.

Cacopardo qal ukoll li d-diskors tal-budget kien saħansitra kontradittorju. F’waqt minnhom il-ministru tal-finanzi jiddikjara ruħu kontra l-evażjoni tat-taxxa. Fl-istess ħin iżda, ma jitkellimx fuq il-fatt li l-gvern malti tal-lum, bħal ta’ qablu, sistematikament jinkoraggixxi kumpaniji barranin li jirreġistraw Malta bil-karrotta ta’ ħlas ta’ inqas taxxi milli kieku jħallsu fil-pajjiz tal-oriġini tagħhom. Fl-istess waqt ukoll, il-ministru tal-finanzi naqas milli jidħol fuq kif il-gvern biħsiebu jindirizza l-kontradizzjoni li jaħdem kontra l-evazjoni tat-taxxa meta fi ħdanu hemm funzjonarji li fetħu kontijiet fil-Panama bl-intenzjoni li l-gwadann tagħhom ma jidhirx u għaldaqstant jevadu t-taxxa. Bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti, tenna jghid il-Perit Cacopardo.

Id-diskors jirreferi wkoll għas-saltna tad-dritt u għal darb’ohra jipprova jagħti l-impressjoni li pajjiżna miexi fuq ir-rubini. Madanakollu id-diskors iħalli barra aspett l-iktar kruċjali li jindirizza it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt; it-tnedija tal-konvenzjoni kostituzzjonali li konvenjentement tħalliet fuq l-ixkaffa għal snin sħaħ. “Huwa biss meta nindirizzaw it-tqassim tal-poter u s-sorveljanza tiegħu li jkun possibbli li nagħmlu qabża fil-kwalita` lejn saltna tad-dritt li tkun effettiva” sostna l-Perit Cacopardo.

Hemm imbagħad aspetti li id-diskors tal-budget injora kompletament. Dawn jinkludu l-proposta li qed issir minn numru ta’ korpi kostitwiti għal determinazzjoni tal-living wage li taghti dinjita` lil ħaddiema kollha. Huwa ta’ għajb ukoll li l-bagit jitkellem fuq l-imigrazzjoni bħala kwistjoni ta’ sigurta` u ma jsemmi xejn fuq investiment fl-integrazzjoni ta’ persuni li qed jagħtu kontribut lis-soċjeta` Maltija. Il-budget lanqas ma jitkellem fuq mezzi kreattivi li ilhom l-għexieren ta’ snin jeżistu f’pajjiżi oħra fosthom il-ħolqien ta’ koperattivi fil-qasam tal-housing li jnaqqsu l-pressjoni finanzjarja fuq numru sostanzjali ta’ persuni. Il-budget ikompli jitkellem fuq iż-żieda tan-numru ta’ turisti f’Malta u Ghawdex u ma jitkellem xejn fuq is-sostenibbilta` tal-attivita` turistika li mingħajrha jiddgħajjef l-prodott turistiku nnifsu b’detriment għall-ekonomija u l-kwalita` tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin.

Cacopardo tenna wkoll it-tħassib tal-Alternattiva Demokratika li għal darb’oħra, iż-żieda fuq l-għoli tal-ħajja qed tinħadem fuq formola li thejjiet snin ilu u li għaldaqstant tagħti stampa żbaljata ta’ kemm attwalment għandu jkun il-kumpens tal-għoli tal-ħajja illum.

Huwa ndikattiv ukoll li l-ħarsien ta’ persuni bl-awtiżmu, fost persuni oħra, l-budget jitkellem fuqhom fil-kapitlu tas-saħħa meta illum ilna li morna lil hinn mill-mudell mediku tal-mod kif inħarsu lejn dawn il-kundizzjonijiet. Alternattiva Demokratika tistenna li l-inklużjoni ta’ persuni differenti tigi ttrattata mil-lat edukattiv mhux mil-lat mediku.

“Kollox ma kollox filwaqt li l-budget jenfasizza l-ġid finanzjarju, fl-istess waqt jitlef opportunita` li jagħmel differenza f’numru ta’ oqsma li jmorru lil hinn mill-but imma li għandhom impatt sostanzjali fuq il-kwalita` tal-ħajja ta’ kulhadd” temm jgħid il-Perit Cacopardo.