Fi żmien ġimgħa oħra (nhar it-Tlieta 16 t’Ottubru) tkun għaddiet sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. S’issa l-Pulizija bdiet proċeduri kontra dawk li hu allegat li wettqu l-qtil. Iżda min ordna l-qtil għadu mhux magħruf. Il-Pulizija għad ma skoprewx min hu, jew min hi jew min huma.
Il-ġimgħa l-oħra l-Qorti Kostituzzjonali iddeċidiet li d-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li hu miżżewweġ lill-Ministru Justyne Caruana, ma kellux ikun parti mill-investgazzjoni tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Daphne u dan minħabba li l-presenza tiegħu fl-investgazzjoni tnissel dubji serji f’moħħ in-nies dwar l-imparzjalitá tal-investigazzjoni.
La Republica, il-bierah, f’artiklu intitolat: “Omicidio Daphne Caruana Galizia, ci fu un altro incontro tra uno dei killer e il ministro maltese” bħala parti mill-inkjesta Daphne project titkellem dwar bachleor’s party li sar f’villa fil-Fawwara nhar id-29 ta’ Ġunju 2017, erba’ xhur qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fost dawk preżenti, jkompli jgħid ir-rapport, kien hemm il-Ministru Chris Cardona kif ukoll Alfred Degiorgio (il-Fulu), wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne.
Ir-rapport ikompli jgħid li persuna (li isimha ma tissemmiex fir-rapport) wara li ċemplet lil Daphne fuq il-mobile biex tagħtiha informazzjoni dwar l-istorja tal-kuntrabandu taż-żejt, ċemplet lill-Ministru Cardona u immedjatament wara lil Alfred Degiorgio il-fulu.
Il-Ministru Cardona qed jiċħad dan kollu. Dan hu kollu attentat biex iħammġuh Chris Cardona qal lit-Times: hu insista b’qawwa li ma għandu l-ebda konnessjoni mal-persuna li tissemma u li hi akkużata bl-attentat tal-qtil (Il-Fulu, jiġifieri). Tajjeb ħafna!
Ir-rapport jgħid iktar. Jgħid li l-Maġistrat Anthony Vella, li mexxa l-inkjesta mill-bidu nett, kien talab għar-records telefoniċi ta’ dawk li kienu qed jissemmew għal dati ferm qabel ma seħħ il-qtil. Din l-informazzjoni damet ħafna ma waslet għand il-Maġistrat, jgħid ir-rapport, tant li sadanittant kien laħaq imħallef u allura ma kienx għadu inkarigat mill-inkjesta.
S’issa għad mhux magħruf x’ġara iktar minn din l-informazzjoni, jigifieri jekk kienx hemm min investiga jekk din hiex vera jew le. Iċ-ċaħda tal-Ministru Cardona hi importanti, imma ċertament mhiex biżżejjed.
Dan kollu jista’ jfisser ħafna. Imma jista’ ukoll ma jfisser xejn. Jista’ jkun stabilit jekk din hiex informazzjoni relevanti biss jekk ikun hemm il-possibilitá li din l-informazzjoni tkun eżaminata bir-reqqa. Jidher li dan kien qed jipprova jagħmel il-Maġistrat Anthony Vella sakemm, ingħata promotion, u allura ma setax jibqa’ jmexxi l-inkjesta.
Din gravi ħafna. Xi ħadd għandu l-obbligu li jispjega.
Sakemm ta’ La Republica m’humiex qed iħarrfu, jekk l-investigazzjoni issir bis-serjetá, din tista’ tkun il-bidu reali tat-tiftix tal-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Kif qal fil-Qorti Silvio Valletta, Deputat Kummissarju tal-Pulizija, minn din l-inkjesta ħadd ma hu eskluż!