L-idjoti (bla sens ta’ etika) fit-tmexxija tal-Awtoritá tal-Ippjanar

L-aħbar fil-media li Jacqueline Gili, Direttur tal-Kuntratti fil-Ministeru tal-Finanzi, persuna nnominata mill-Gvern fuq il-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar, inġiebet minn Catania bil-jet għal-laqgħa tal-Bord kienet aħbar xokkanti. Fatt li jistabilixxi standards ġodda ta’ governanza ħażina għal din l-amministrazzjoni.

Id-dikjarazzjoni taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtoritá tal-Ippjanar Johann Buttigieg, li jkun idjota kieku kellu jerġa’ jikri jet privat darba oħra meta jaf li m’għandux appoġġ politiku għal deċiżjoni bħal din, turina b’mod ċar daqs il-kristall in-natura tal-problema reali tal-Awtoritá tal-Ippjanar. Id-deċiżjonijiet ma jittieħdux fuq bażi ta’ prinċipji etiċi ta’ tmexxija imma biss jekk ikunx hemm appoġġ politiku għalihom. L-Awtoritá tal-Ippjanar għandha tmexxija amorali li tippermetti kollox, sakemm ikun hemm l-appoġġ politiku neċessarju.

Hemm mod sistematiku kif jivvutaw il-parti l-kbira tal-membri tal-Bord tal-Ippjanar. M’hemmx bżonn wisq għerf biex tbassar min minnhom jista’ jivvota favur jew kontra applikazzjonijiet kontroversjali. Xi kultant ivarjaw ftit imma ġeneralment tista’ tipprevedi bi kważi preċiżjoni kif ser tmur il-votazzjoni.

Dan ifisser li d-deċiżjoni li jinkera l-jet kien eżerċizzju sempliċi biex ikun assigurat li l-voti favur l-applikazzjoni jkunu kollha preżenti madwar il-mejda. Meta wieħed iqis li Jacqueline Gili m’attendietx 29 minn l-aħħar 75 laqgħa tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar dan kollu jassumi sinifikat ikbar.

Dan kollu, minkejja Ii hu importanti hu huwa kważi insinifikanti f’kuntrast mal-problemi kkawżati mill-konflitt ta’ interess eżistenti fil-laqgħat tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar.

Intqal li żewġ membri tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar għandhom kunflitt ta’ interess li minħabba fih ma kellhomx jipparteċipaw fil-laqgħa li kkunsidrat u approvat l-applikazzjoni tad-dB għal żvilupp f’Pembroke.

Iż-żewġ każi huma ta’ natura kompletament differenti.

L-ewwel każ ta’ kunflitt ta’ interess hu dak tal-membru parlamentari Laburista Mellieħi Clayton Bartolo. Meta kien mistoqsi dwar il-każ wara d-deċiżjoni, l-Onor. Clayton Bartolo spjega li missieru u zijuh jikru fond kummerċjali mingħand id-dB Group: huma sidien ta’ kumpanija fil-qasam tal-isports tal-baħar li topera mit-Tunny Net, propjetá ta’ Silvio Debono. Il-fatt enfasizzat mill-Onor. Bartolo li l-qraba tiegħu ma jirċievu l-ebda ħlas mingħand id-dB Group hu rrelevanti. Dak li hu relevanti hu li Clayton Bartolo qatt ma seta biss jikkunsidra li jivvota kontra l-proġett tad-dB f’Pembroke għax li kieku għamel dan kien ikun qed jipperikola l-interessi kummerċjali ta’ qrabatu. Dan hu l-kunflitt ta’ interess ta’ Clayton Bartolo. Huwa kellu jiddikjara dan l-interess tiegħu immedjatament fil-bidu tal-laqgħa u sussegwentement kellu jwarrab u ma jipparteċipax fid-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar il-proġett propost minn dB f’Pembroke.

It-tieni kunflitt ta’ interess hu ferm iktar serju minn hekk. Jinvolvi lil Matthew Pace membru tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar u l-ishma li għandu fl-aġenzija tal-propjetá Remax. Dan l-interess ta’ Matthew Pace fin-negozju tal-propjetá huwa f’kunflitt dirett mad-doveri tiegħu ta’ membru tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar. Bħala sid ta’ ishma f’Remax hu perfettament naturali li Matthew Pace jieħu interess attiv fil-permessi ta’ żvilupp li jistgħu jwasslu għal iktar negozju għall-aġenzija li fiha għandu sehem. Imma bħala membru tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar m’għandu jkollu l-ebda interess ta’ din ix-xorta għax dan inevitabilment iċajpar il-ġudizzju tiegħu huwa u jikkonsidra u jiddeċiedi l-applikazzjonijiet li jkollu quddiemu. Hu ċar li qatt ma messu kien appuntat. Il-fatt li ġie appuntat juri l-importanza li jagħti l-Gvern preżenti lill-imġieba korretta ta’ dawk li jiġu maħtura.

Hu floku ukoll li niġbed l-attenzjoni li Matthew Pace hu direttur eżekuttiv tal-kumpanija MFSP Financial Management Limited li f’Ġunju li għadda kienet immultata €38,750 mill-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) talli ma osservatx numru tal-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus. Ir-rapporti fl-istampa f’Ġunju li għadda jindikaw li l-kontijiet inkwistjioni kienu ta’ Keith Schembri, Kap Amministrattiv tal-Uffiċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u ta’ Adrian Hillman li kien Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers.

Dan jgħinna mhux ftit biex nifhmu ħafna iktar dak li qiegħed jiġri. It-taħwid li għaddej fl-Awtoritá tal-Ippjanar għandu l-barka diretta minn Kastilja, u allura huwa l-Prim Ministru li jeħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltá diretta għal dan kollu.

 

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 30 ta’ Settembru 2018

Advertisements