Sandro Checuti u t-tagħlim minn Sqallija

Li tipprova titgħallem dejjem tajjeb. Opportunitá tajba għat-tagħlim, għaldaqstant m’għandna  nitilfuha qatt.

Ġie imħabbar f’dawn il-ġranet li l-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi Maltin (MDA) iffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni mal-ANCE ta’ Ragusa. L-ittri ANCE jfissru Associazione Nazionale Costruttori Edili – l-Assoċjazzjoni Nazzjonali ta’ dawk li jibnu l-bini residenzjali.

Dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni, qalulna, kien meħtieġ għax hemm ħafna x’nitgħallmu mingħand xulxin: bejn żviluppaturi Maltin u Sqallin, jiġifieri. Bla dubju hemm ħafna nies tas-sengħa fi Sqallija, inkluż fis-snajja tal-bini. Il-presenza tiżdied tagħhom f’Malta tista’ tgħin lill-Maltin (fl-istess snajja) biex itejbu x-xogħol tagħhom. Imma tajjeb li nifhmu ukoll li anke f’Malta għandna ħafna mustaċċuni fis-snajja konnessi mal-bini.

Ikun interessanti liema huma dawk is-snajja u kapaċitajiet li ser issir emfasi dwarhom.

Bla dubju wieħed mill-oqsma li jista’ jkun hemm min jitħajjar jitgħallem ftit ieħor huwa dwar l-appalti pubbliċi (dwar it-tenders pubbliċi jiġifieri). Nifhem li jistgħu jitħajru jiġu xi professuri minn Sqallija, minn dawk li għandhom esperjenza kbira. Ma nafx jekk jiġux minn Ragusa inkella minn xi parti oħra ta’ Sqallija. Dan hu qasam li minkejja l-“iżviluppi” kbar f’Malta, għadna apprentisti ħdejn l-iSqallin! Imma, ovvjament, il-possibilta tat-tagħlim m’għandhiex tkun skartata.

Ikun interessanti x’sehem ser ikollhom l-uffiċjali pubbliċi u l-politiċi li ħadu sehem fil-laqgħat bejn l-iżviluppaturi Maltin u dawk Sqallin. Probabbilment li l-għatx tagħhom għat-tagħlim hu kbir wisq.

Kafè Al Fresco ……… is-sogru huwa tiegħek

Ħwienet tal-kafè jew restoranti al fresco f’numru ta’ lokalitajiet ħadulna l-bankina. F’xi każi anke l-ispazju għall-parkeġġ tal-karozzi ħadu, għax dawn jimpurthom biss minn ħaġa waħda: li jdawru lira. Ovvjament dawn jippretendu li aħna nimxu f’nofs it-triq għax fuq il-bankina ftit iħallulna spazju minn fejn ngħaddu. Iħalluhom, qiesu ma ġara xejn. Lanqas tista’ titkellem, għax il-bankina għamluha tagħhom.

L-awtoritajiet jiġu jaqgħu u jqumu għax dawn jinteresshom biss li jkunu jidhru “business friendly”: ċjoe viċin in-nies tal-flus, ħa jdawru lira. Il-bqija, min jafhom?

Is-sindki tal-Gżira u Tas-Sliema, Conrad Borg Manchè u Dominic Chircop, matul dawn l-aħħar ġimgħat għamlu sewwa li emfasizzaw li l-mod kif tal-kafè u r-restoranti al fresco qed joperaw fil-lokalitajiet tagħhom mhux aċċettabbli, għax ma jagħtux kas tan-nies.

L-inċidenti, kif tafu, jiġru. Biżżejjed incident wieħed ta’ karozza misjuqa ħażin li tista’ tispiċċa toqtol jew tweġġa’ serjament numru ta’ persuni f’xi wieħed minn dawn il-ħwienet tal-kafè jew ir-restoranti. Imbagħad forsi jkun hemm min jagħti kas.

Ftit ġimgħat ilu, f’Lulju, żgħażugħ Olandiz ta’ 25 sena li kien qiegħed jippassiġa San Giljan max-xatt intlaqat minn Subaru Impreza li kienet misjuqa b’veloċitá esaġerata minn żgħażugħ ta’ 20 sena li kien rappurtat li qabeż kull limitu raġjonevoli ta’ alkoħol. L-Olandiż miet l-isptar. Oħrajn weġġgħu. U dan apparti bosta ħsara oħra.

Kien pass tajjeb tal-Awtoritá tal-Artijiet li rrifjutat applikazzjoni tas-sidien tal-Lukanda Waterfront max-Xatt tal-Gżira biex dawn ikunu jistgħu jieħdu numru ta’ spazji għal parkeġġ biex ikollhom ħanut tal-kafè jew restorant fuq il-bankina quddiem il-lukanda. Meta sidien il-lukanda ikkontestaw id-deċiżjoni tal-Awtoritá tal-Artijiet, fl-aħħar sabu lil min jagħti kas. Il-Maġistrat Charmaine Galea li ppresjediet l-appell emfasizzat li r-regoli dwar l-imwejjed u s-siġġijiet fl-apert jipprojibixxu li dawn jitqegħdu biswit toroq arterjali, viċin traffiku li jkun għaddej b’veloċitá. Il-Maġistrat Galea emfasizzat li n-nies għandha dritt li tkun imħarsa mit-traffiku, mill-istorbju kif ukoll mid-dħaħen iġġenerati mill-karozzi.

Il-Maġistrat Charmaine Galea għandha raġun. Hemm ħtieġa urgenti li l-loġika tagħha tinfetta l-proċess deċiżjonali tal-Awtoritá tal-Ippjanar għax hu ċar li prattikament il-ħwienet tal-kafè u r-restoranti kollha fuq il-bankina fix-Xatt tal-Gżira u tas-Sliema mhumiex skont ir-regoli. Dan jgħodd ukoll għal inħawi oħra.

Id-deċiżjoni tal-Maġistrat Galea tagħti piz lill-argumenti tas-sindki tal-Gżira u tas-Sliema li ilhom żmien jinsistu li l-ħwienet tal-kafè u r-restoranti al fresco biswit ir-rotot ewlenin tat-traffiku jeħtieġu iktar ħsieb qabel ma jingħataw il-permess biex joperaw. Jeħtieġ titjib fl-infrastruttura biex it-traffiku jkollu jnaqqas il-veloċitá kif ukoll biex in-nies ikunu protetti minn inċidenti kkawżati minn karozzi misjuqa bl-addoċċ, mill-istorbju kif ukoll mid-dħaħen tal-petrol u d-dijsil. L-Awtoritá tal-Ippjanar ma wriet l-ebda sens ta’ responsabbilta meta injorat lin-nies u qieset biss il-qies li dawk li jridu jdawru lira, irrispettivament mill-konsegwenzi.

Fuq il-bankini ftit qed jitħalla spazju biex jgħaddu n-nies u ma hemm l-ebda protezzjoni la mit-traffiku perikoluż u l-anqas mid-dħaħen. Għall-Awtoritá tal-Ippjanar, sfortunatament, dan kollu ma jfisser xejn.

It-tħassib tal-Kunsilli Lokali dwar il-ħwienet tal-kafè u r-restoranti al fresco hu għal kollox injorat mill-Awtoritá tal-Ippjanar għax ma jidhriliex li huma affarijiet li għandha tikkunsidra qabel ma tieħu d-deċiżjonijiet tagħha.

Qabel ma tippjana passiġġata max-xatt ftakar li hemmhekk hu riżervat għal min irid idawwar lira! Mill-bqija, is-sogru hu kollu tiegħek.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 1 ta’ Settembru 2018