U ajma, ħallini !

Ix-xhieda dettaljata u li tkexkex li ta fil-Qorti l-kuntistabbli Simon Schembri mit-taqsima tat-traffiku tal-korp tal-Pulizija, iktar kmieni din il-ġimgħa, turi min xiex jgħaddu wħud mill-pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom biex jipproteġuna. Fortunatament in-numru ta’ dawn l-inċidenti hu wieħed żgħir.

F’kull livell tal-korp tal-pulizija hemm irġiel u nisa ta’ dedikazzjoni kbira li fis-siegħa tal-prova taw servizz impekkabbli. Tul is-snin kellna numru ta’ pulizija li nqatlu fuq xogħolhom, u Simon Schembri jgħodda b’waħda li għal ftit ma ngħaqadx magħhom.

Iż-żamma tal-ordni pubbliku qatt mhi faċli minħabba li dejjem ser ikun hawn min iħares lejn il-pulizja bħala xkiel fil-fissazzjoni li jkollhom biex jagħmlu li jridu, meta jridu u kif iridu. “U ajma, ħallini” qal iż-żgħażugħ li wara pproċeda biex kaxkar lil Simon Schembri madwar 400 metru taħt il-Mercedes li kien qiegħed isuq. In-nuqqas ta’ rispett ta’ uħud, anke fis-sens wiesa’ tal-kelma, jwassal għal dawn iċ-ċirkustanzi, li fortunatament huma ftit. Dawn it-tip ta’ nies mhux jikkontestaw lill-awtoritá, imma jiddisprezzawha.

Il-poplu Malti għandu rispett lejn il-korp tal-pulizija għax b’mod ġenerali japprezza l-impenn u d-dedikazzjoni tal-membri tiegħu lejn il-komunitá. Il-Korp tal-Pulizija hu l-ewwel ħajt ta’ kenn li n-nies tfittex, u ħafna drabi, fid-diffikultajiet tal-ħajja ta’ kuljum dan il-kenn issibu.

Il-Union tal-Pulizija kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ġustament tkellmu dwar il-ħtieġa ta’ assigurazzjoni biex tipproteġi lill-Pulizija u lill-familji tagħhom meta dawn iweġġgħu jew jitilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Dan hu tajjeb li jsir, u għandu jsir malajr kemm jista’ jkun. Imma iktar minn hekk hemm il-ħtieġa li possibilment ikunu evitati inċidenti ta’ din ix-xorta. Biex dan isir hemm bżonn iktar pulizija fuq ir-ronda kif ukoll li kull pulizija jkun akkumpanjat minn tal-inqas pulizija ieħor. Dan iservi biex kull pulizija jkun imwieżen direttament u mill-ewwel u allura bla dubju jonqsu l-inċidenti fejn tintuża’ l-vjolenza fuq il-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-Pulizija m’għandhomx jitħallew dipendenti fuq il-karitá, billi jkunu kostretti li jiġbru l-fondi b’sejħiet pubbliċi wara li jinqala’ incident. L-għajnuna għandha tkun ippjanat u għandha tieħu diversi forom. Għandha tkun għajnuna li primarjament tfittex li tevita l-inċidenti u dan permezz ta’ rinforzi, taħriġ kontinwu kif ukoll billi jkunu pprovduti r-riżorsi kollha meħtieġa. Hekk biss il-pulizija tista’ taqdi dmirha aħjar u fl-istess ħin tingħata protezzjoni adegwata.

Fix-xhieda mogħtija l-Qorti matul din il-ġimgħa mill-kuntistabbli Simon Schembri ntqal li personalment kien xtara elmu u uniformi superjuri fil-kwalitá għal dak li kien jipprovdilu l-korp. Ħadd s’issa għadu ma spjega għaliex il-korp ma jipprovdix lill-Pulizija bl-aqwa u l-aħjar mill-ewwel u minn fondi pubbliċi. Joħroġ ċar u bla dubju li l-kundizzjoni tal-kuntistabbli Schembri setgħet kienet ħafna agħar, kieku ma daħħalx idu fil-but.

Dawn huma uħud mill-affarijiet li jeħtieġ li jkunu rrimedjati. Lill-pulizija l-pajjiż għandu jagħtihom l-aħjar għodda biex jaqdu dmirhom biex fl-istess ħin ikun possibli li iħarsu persunthom bl-aħjar mod possibli.

Il-Pulizija ilhom jitolbu iktar biex ikunu jistgħu jaħdmu sewwa, fosthom il-body cams. Kien tajjeb li sa fl-aħħar, riċentment, fil-bidu tal-Lulju, intqal li l-Pulizija ser jibdew ikunu pprovduti b’dawn il-body cams. Suppost li ser jinbeda proġett pilota, eżattament fit-taqsima tat-traffiku li eventwalment għandu jwassal biex jinfirex fis-sezzjonijiet kollha tal-korp.

Il-parti l-kbira tal-membri tal-Korp tal-Pulizija huma dedikati għal xogħolhom. Hi ħasra li kultant ikun hemm minnhom, ġeneralment fizzjali, li ma jagħmlux xogħolhom sewwa u bħala riżultat jagħtu isem ħażin lill-korp kollu.

Tul is-snin il-Pulizija mhux dejjem kienu stmati tajjeb. Niftakru meta kien tneħħielhom id-dritt għall-pensjoni wara 25 sena servizz, biex eventwalment dan id-dritt reġa’ ngħatalhom lura wara numru ta’ snin. Anke d-dritt li jkunu msieħba fi Trade Union kien pass importanti ‘l-quddiem biex ikun assigurat li l-kundizzjonijiet li fihom jaħdmu l-Pulizija ikunu kontinwament taħt il-lenti, biex jitjiebu.

Hu tajjeb li nuru s-solidarjetá mal-Pulizija u l-familji tagħhom li jbatu konsegwenzi gravi riżultat tad-dedikazzjoni tagħhom għal dmirijiethom. Imma jkun ħafna aħjar jekk naħdmu iktar biex dawn il-konsegwenzi jkunu evitati.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 26 t’Awwissu 2018

 

Advertisements