Fejn qegħda l-washing machine?

 

L-Independent u l-Malta Today, illum, ġiebu artikli dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin f’Miami dwar ħasil ta’ flus taż-żejt mill-Veneżwela.

Qed jissemmew diversi ċifri. Din storja li ilha għaddejja. Komplessivament tista’ tlaħħaq ċifra ta’ $1.2 biljun.

Qed jiġi allegat li €511 miljun minn din is-somma inħaslet Malta.

L-investigazzjoni ilha għaddejja. Id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti fi stqarrija datata 25 ta’Lulju 2018 intitolata : Two Members of Billion-Dollar Venezuelan Money Laundering Scheme Arrested  tgħid li “Maltese law enforcement authorities provided assistance”.

L-unika ħaġa li nafu konnessa mal-Veneżwela hu li xi ġimgħat ilu kienet sospiża il-licenzja ta’ bank f’Malta wara li kienu nbdew proċeduri kriminali fl-Istati Uniti dwar allegazzjonijiet oħra imma li ukoll kienu jikkoncernaw il-Venezwela.

Hemm xi rabta? X’inhu jiġri? Naħseb li jixirqilna nkunu nafu.

Il-mina bejn Malta u Għawdex: il-qerda finali t’Għawdex wara l-bieb

Nhar l-Erbgħa festa pubblika. Hi ukoll id-data tal-egħluq għall-konsultazzjoni pubblika li qed tagħmel l-Awtoritá tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq it-termini ta’ referenza għall-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) tal-mina proposta bejn Malta u Għawdex.

Is-sit elettroniku tal-ERA jippreżenta żewġ dokumenti sabiex jassistu lil dawk li qed jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika. Dawn id-dokumenti jispjegaw il-proposta u jidentifikaw numru ta’ fatturi li jistgħu jkunu jeħtieġu investigazzjoni, u dan biex dawk li jieħdu d-deċiżjoni jkunu megħjuna jagħmlu l-“aħjar” għażla.

F’dawn id-dokumenti hemm numru ta’ nuqqasijiet li jistunaw u juru kemm Transport Malta tiġi taqa’ u tqum mill-wirt ambjentali tagħna.

Transport Malta tibbaża l-proposti tagħha fuq ir-rapport ta’ Mott MacDonald, datat Marzu 2012 u intitolat: Preliminary Analysis: Assessment of Road Tunnel Options between Malta and Gozo. Wara li kkunsidrat erba’ proposti differenti għall-mina kif imfisser fir-rapport ta’ Mott MacDonald, Transport Malta ddeċidiet li tagħżel il-proposta numru 4 b’emenda: hi proposta li tkun tikkonsisti f’mina waħda b’żewġ karreġjati u tibda mill-inħawi taħt Ta’ Kenuna fin-Nadur Għawdex u tispiċċa fl-Imbordin biswit il-Wied tal-Pwales f’San Pawl il-Baħar.

Fid-dokumenti jgħidulna li l-ewwel tliet proposti kienu skartati għax setgħu jikkawżaw ħsara ambjentali sostanzjali, f’qiegħ il-baħar jew lir-riżerva naturali tal-Għadira. Imma la Transport Malta u l-anqas l-ERA ma ħassew il-ħtieġa li jgħidulna fid-dokumenti li ippubblikaw li meta ntagħżlet il-proposta numru 4 u ġġebbdet sal-Imbordin biswit il-Wied tal-Pwales din ġiet viċin wisq tar-riżerva naturali l-oħra, tas-Simar, u tgħaddi dritt mill-Miżieb, mal-pjan tal-ilma.

Ir-riżerva naturali tas-Simar hi sit ikklassifikat bħala Natura 2000 tal-UE, u l-pjan tal-ilma tal-Miżieb hu l-unika wieħed sura li fadlilna. Allura hemm il-possibilitá kbira li din il-proposta għal mina tmur kontra żewġ direttivi importanti tal-Unjoni Ewropea: id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar il-Abitat.

Fl-2015 il-medja ta’ movimenti ta’ karozzi bejn Malta u Għawdex, kif jirriżulta mill-istatistika uffiċjali, hi ta’ madwar 3000 kuljum. Id-diversi studji u rapporti ppubblikati sal-lum jikkalkulaw li l-mina, meta tkun lesta, tista’ twassal sabiex in-numru ta’ karozzi li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer jitla’ bejn 9000 u 10000 kuljum. Gordon Cordina minn Ecubed fir-rapport tiegħu kkummissjonat minn Transport Malta u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija jindika li ser tintlaħaq iċ-ċifra ta’ 9000 karozza kuljum, fil-waqt li r-rapport Mott MacDonald jipponta lejn l-10,000 karozza kuljum.

Din iż-żieda konsiderevoli fil-moviment ta’ karozzi teħtieġ li tkun analizzata fil-kuntest tal-politika kurrenti dwar it-trasport. Il-master plan dwar it-trasport addottat mill-Gvern preżenti u ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali hu ċar. Dan il-pjan jgħid li matul l-għaxar snin li fih ser ikun effettiv (2016-25), wieħed mill-oġġettivi ewlenin tal-politika tat-trasport f’Malta hi emfasi fuq l-użu ta’ mezzi alternattivi għall-karozzi privati u li fil-gżejjer Maltin jonqos l-użu tal-karozza privata.

Mela Transport Malta, għan-nom tal-Gvern Malti fl-2016, tistabilixxi politika dwar it-trasport biex tkun indirizzata l-konġestjoni tat-traffiku billi tinkoraġixxi bdil fl-imġieba favur mobilitá sostenibbli, u mbagħad toħroġ bi proposti bħal dawn tal-mina bejn Malta u Għawdex, li biex jagħmlu sens, jirrikjedu żieda enormi fit-traffiku.

Id-dokumenti fuq is-sit elettroniku tal-ERA għall-informazzjoni ta’ dawk li jridu jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika dwar il-mina bejn Malta u Għawdex jinjoraw kompletament il-politika dwar it-trasport.

Din hi s-sitwazzjoni li għandna illum. Drajna b’awtoritá tal-ippjanar sinkronizzata mal-lobby favur l-iżvilupp. Sfortunatament jidher li l-Awtoritá dwar l-Ambjent u r-Riżorsi miexja fuq l-istess passi. Il-jiem huma magħduda. Bla dubju dan ser iwassal għall-qerda ta’ Għawdex ukoll.

 

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 12 t’Awwissu 2018