It-tigra taċ-Ċaqnu sparixxiet?

Għax hekk bil-fors taħseb meta taqra s-sentenza tal-Maġistrat Mifsud li l-ġimgħa l-oħra illibera liċ-Ċaqnu mill-akkuża li kellu zoo illegali fil-kumpless Montekristo fil-limiti ta’ Ħal-Farruġ.

Dan minkejja li kulħadd jaf mhux biss biz-zoo illegali, imma ukoll bit-tigra li għamlet għal tifel u weġġgħetu serjament.

Fis-sentenza taghha l-Qorti qalet hekk :
“Il-Prosekuzzjoni f’dan il-kaz naqset li tipproduci lista tal-annimali li seta’ kien hemm fil-lok in kwistjoni fil-jum tal-incident. Lanqas fil-Proces Verbal esebit f’dawn l-atti ma tinstab lista ta’ annimali li kien hemm jekk kien hemm f’dak il-jum. Fil-process kollu l-Qorti sabet ritratti biss ta’ annimal wiehed u li jidher li hija tigra. Allura kif xi hadd jippretendi lil din il-Qorti issib lil xi hadd hati li zamm zoo meta min investiga hadd ma ndenja ruhu jaghmel lista tal-annimali li kien hemm, jekk kien hemm, biex ikun ippruvat li kien hemm zoo skont id-definizzjoni tal-ligi?”

Il-fatt li l-Pulizija ma ippreżentatx provi għandu jħassibna ħafna. Iktar u iktar meta nafu li ċ-Ċaqnu għandu l-fama li jipprova jagħmel li jrid. Ħafna drabi jirnexxielu għax min għandu l-obbligu li jwaqqfu ma jagħmel xejn.

Ma nafx jekk dan kienx kaz ta’ negligenza mill-Pulizija inkella jekk hemmx spjegazzjoni oħra, agħar minn hekk. Nittama li l-Kummissarju tal-Pulizija isib il-ħin biex jinvestiga lill-Pulizja li għamlu din il-froġa u wara jiehu l-passi li jirriżultaw meħtieġa.

Għax it-tigra taċ-Ċaqnu ma sparixxietx. Huma l-pulizija li qed jisparixxu, ftit ftit.

Bomba għal Marlene u Godfrey

 

Permezz ta’ ittra anonima qalulhom li jekk ser jibqgħu jimminaw lil Delia qed jistiednu l-istess destin ta’ Daphne jiġifieri bomba li ttemmilhom ħajjithom.

Dan it-theddid hu dejjem kundannabbli. Għalkemm hu tajjeb li Godfrey mar għand il-Pulizija bl-ittra, però kemm hu għaqli li jingħata pubbliċitá lil min qed jhedded?

Fil-PN: Lawrence Gonzi l-medjatur

 

Adrian Delia, Kap tal-Opposizzjoni, huwa u jistkenn bejn attakk u ieħor li huwa soġġett għalihom bħalissa, diversi drabi ġie rappurtat jgħid li ħadd mhu ikbar mill-partit. Naħseb li jemminha din id-dikjarazzjoni għax jidher li jgħidha b’ċerta konvinzjoni. Fir-realtá l-affarijiet huma ħafna differenti minn hekk. Għax ilu li spiċċa ż-żmien li l-mexxej jordna u l-bqija jimxu warajh b’għajnejhom magħluqa.

Partit politiku hu kbir jew żgħir skond kemm jirrispetta lil dawk fi ħdanu. Għax jekk ma jirrispettax lilhom, kif qatt jista’ jirrispetta lil dawk barra minnu?

Il-Partit Nazzjonalista jidher li għadu ma tgħallem xejn mill-esperjenzi tal-konfront li kellu ma’ Franco Debono li l-enerġija tiegħu, flok ma ġiet utilizzata favur inizjattivi kostruttivi spiċċat intużat biex toħloq ħerba. Kien hemm mumenti fis-saga Franco Debono li l-PN seta’ jevita din il-ħerba, jew tal-inqas inaqqas il-konsegwenzi negattivi, imma minflok, il-Kap tal-PN ta’ dakinnhar Lawrence Gonzi għamel żbalji wieħed wara l-ieħor: ipprova jpoġġi lil Franco Debono f’rokna u minflok spiċċa fir-rokna huwa.

Il-Parlament, dakinnhar, fl-2012, kellu quddiemu żewġ mozzjonijiet. Waħda kienet imressqa mill-membri parlamentari Josè Herrera u Michael Falzon għall-Opposizzjoni Laburista, liema mozzjoni kienet kritika tal-politika tal-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern u kienet tikkonkludi b’dikjarazzjoni ta’ sfiduċja f’Carm Mifsud Bonnici, dakinnhar Ministru. Il-mozzjoni l-oħra kienet imressqa minn Franco Debono u filwaqt li kienet ukoll kritika tal-politika tal-Gvern fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern ma kienet titlob l-ebda sfiduċja iżda kienet titlob diskussjoni fuq numru ta’ inizjattivi f’dawn l-oqsma.

Is-sens komun iwasslek biex tikkonkludi li jekk kellek tagħżel bejn iż-żewġ mozzjonijiet kont tagħżel dik ta’ Franco Debono bl-intenzjoni li tnaqqas kemm tista’ l-konsegwenzi kif ukoll bit-tama li tiffoka fuq titjib fil-qasam taħt diskussjoni u forsi tikkontribwixxi biex tikkalma xi ftit is-sitwazzjoni. Nafu li Lawrence Gonzi poġġa fuq l-aġenda tal-Parlament il-mozzjoni ta’ sfiduċja mressqa mill-Opposizzjoni u dan, b’mod ċar, biex jisfida lil Debono. Iffaċċjat b’dan l-atteġġjament ta’ Lawrence Gonzi, Franco Debono ma kellux għażla, irvella u daħal għall-isfida bir-ras nhar it-30 ta’ Mejju 2012 meta ivvota favur il-mozzjoni mressqa mill-Opposizzjoni.

Dan l-iżball tattiku ta’ Lawrence Gonzi wassal għal konsegwenzi gravi fuq il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Nafu kif is-seduti Parlamentari bejn Mejju 2012 u l-aħħar ta’ dik is-sena kienu battalja kontinwa li spiċċaw bin-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-budget.

Jidher li l-PN ma tgħallem xejn minn dak l-iżball: forsi għalhekk Lawrence Gonzi jrid jagħmilha tal-medjatur biex jiggwida ftit lil Adrian Delia ‘l bogħod mill-periklu li jidher li daħal għalih meta stieden lil Simon Busuttil biex jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari!

Lawrence Gonzi kellu Franco Debono wieħed. Wara żdiedlu Jeffrey Pullicino Orlando u mbagħad ingħaqad magħom ukoll Jesmond Mugliette. Kien hemm bosta oħrajn fil-grupp parlamentari li dakinnhar kienu kritiċi tat-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi imma qatt, safejn naf jien, ma ippreżentaw front wieħed biex jikkontestaw l-arroganza fit-tmexxija tal-Partit. In parti dan kien minħabba li ma kellhomx uniformitá ta’ ħsieb u/jew viżjoni.

Jidher li l-affarijiet qed jinbidlu. Il-front komuni li qed jippreżenta parti mill-grupp parlamentari nazzjonalista, illum b’solidarjetá ma’ Simon Busuttil jista’ jwassal lill-PN biex jiġi f’sensieh u tal-inqas jibda jirrispetta lil dawk fi ħdanu.

Bla dubju hemm x’tgħid favur kif ukoll kontra dak li qed jinsisti dwaru Adrian Delia. Pero żgur li m’humiex deċiżjonijiet li l-ewwel tħabbarhom f’konferenza tal-aħbarijiet (ftit wara li jkun jħabbarhom Joseph Muscat) u mbagħad, iffaċċjat b’reazzjoni kuntrarja iddur fuq ta’ madwarek għall-appoġġ. Id-deċiżjonijiet li qiegħed jiffaċċja l-Partit Nazzjonalista jirrikjedu diskussjoni serja li minna ħadd ma għandu jkun eskluż. Forsi l-medjatur jgħallimhom, mill-esperjenza tal-iżbalji tiegħu.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 29 ta’ Lulju 2018