Il-PN u l-governanza tajba

Bħalissa fil-PN kulħadd qiegħed jgħid tiegħu dwar l-għażliet politiċi li għamel il-PN meta kien immexxi minn Simon Busuttil. Busuttil issa ilu ftit li telaq it-tmexxija, meta warrab biex refa’ r-responsabbiltá politika għat-telfa elettorali massiċċa ta’ Ġunju 2017.

Ir-riżultat tal-inkjesta maġisterjali dwar Egrant, li ma sabet l-ebda prova tal-involviment tal-familja Muscat f’din il-kumpanija, hi parti minn dan ix-xenarju. Għax ma tistax titkellem dwar il-korruzzjoni mingħajr ma jkollok f’idejk il-minimu ta’ provi.

Niftakru ftit dwar it-tlett kumpaniji li kienu nħolqu fil-Panama. Tnejn minnhom kienu identifikati ta’ min kienu: ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dwar it-tielet waħda kien hawn ħafna għidut sakemm f’April tal-2017 fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia kienet ħarġet l-allegazzjoni miktuba għall-ewwel darba li tassoċja lil Michelle Muscat mat-tielet kumpanija, l-Egrant.

Il-PN kien għamilha fatta – mhux biss Simon Busuttil – u kważi b’vuċi waħda kien hemm ripetizzjoni ta’ din l-allegazzjoni daqs li kieku kienet skoperta tagħhom. Dakinnhar ma smajt lil ħadd mill-PN jgħid fil-pubbliku kliem differenti. Fi ftit kliem ir-responsabbiltá politika kienet waħda kollettiva.

Kienet Alternattiva Demokratika biss li applikat il-brejkijiet. Fil-fatt f’artiklu ippubblikat f’Illum nhar l-24 t’April 2017, intitolat Pilatu fid-dawl tax-xemx jiena għidt hekk : “li tkun moralment konvint li l-istorja hi korretta mhux biżżejjed. Din l-istorja teħtieġ il-konferma li tiġi mill-provi tad-dokumenti u mhux mid-dimostrazzjonijiet. Għax fuq id-dokumenti hi mibnija. Allura hemm obbligu li dawn id-dokumenti tant bażiċi jaraw id-dawl tax-xemx.

Id-dokumenti qatt ma rajnihom sakemm sabu ruħhom għand il-Maġistrat li ikkonkluda li huma foloz.

Ovvjament hemm ħafna spjegazzjonijiet li jeħtieġ li jsiru. Fosthom hemm bżonn ikun magħruf is-sors tad-dokumenti foloz. Minn fejn ġew. Imma probabbilment qatt ma nkunu nafu għax is-sors tal-ġurnaliżmu hu protett. Dejjem sakemm Pierre Portelli ma tmissux il-kuxjenza u jikxef lil min daħħlu fi sqaq.

Il-ġlieda tal-PN favur il-governanza tajba dejjem kienet waħda difettuża.

Niftakar ċar qiesu l-bieraħ waqt l-unika laqgħa li Alternattiva Demokratika kellha mat-tmexxija tal-PN dwar il-possibilitá ta’ alleanza pre-elettorali konna iddiskutejna l-kredibilitá tal-PN dwar dan. Min-naħa ta’ Alternattiva Demokratika konna tlabna spjegazzjoni mill-PN għal numru ta’ issues li kienu jitfgħu dell sostanzjali fuq dak kollu li l-Partit Nazzjonalista kien qed jgħid dwar il-ħtieġa ta’ governanza tajba.

Tlabna spjegazzjoni dwar ħames każi li dwarhom diġa ktibt diversi drabi u ċjoe : Beppe Fenech Adami u r-rwol tiegħu fuq kumpanija Capital One Investment Group/Baltimore Fiduciary Services, Claudio Grech u l-iskandlu taż-żejt u l-fatt li ma kienx jiftakar jekk qatt iltaqax ma George Farrugia, il-każ tal-invoices foloz bejn il-Grupp dB u l-PN, il-kunflitt ta’ interess ta’ Mario de Marco bejn l-obbligi parlamentari tiegħu u l-fatt li kien konsulent legali ewlieni tal-grupp dB, u l-applikazzjoni ta’ Toni Bezzina għal villa ODZ għalih meta l-PN kien qed imexxi l-quddiem politika ambjentali differenti.

L-ispjegazzjoni li tlabna ma ingħatax għax weħilna fuq affarijiet oħra. Imma dan hu it-track record tal-PN dwar il-governanza tajba. Li l-Partit Laburista hu agħar minn hekk ma hi tal-ebda konsolazzjoni!

In-nifs li nieħdu

Meta, riċentment, kienu intervistati mill-medja lokali Uffiċjali tal-Awtoritá tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), ikkonfermaw dak li ilna nafu għal żmien konsiderevoli: it-tniġġiż tal-arja f’Malta hu prinċipalament ikkawżat mill-mezzi tat-trasport. Triq Sant’Anna fil-Furjana hi l-iktar triq bl-arja mniġġsa f’Malta filwaqt li mhux ‘il-bogħod li l-kwalitá tal-arja tal-Imsida teċċedi dak permissibli mir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalitá tal-arja.

Hu ovvju li l-ħtija ewlenija għal dan hi ġejja min-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna. Gvern wara l-ieħor dejjem qagħda lura milli jindirizza l-problema bis-serjetá. Dejjem iduru mal-lewża: jindirizzaw il-konsegwenzi mingħajr il-kuraġġ li jiffukaw fuq il-kawża.
Is-soluzzjoni qegħda billi jonqos in-numru tal-karozzi fit-toroq tagħna kif ukoll li simultanjament titjieb il-kwalitá tal-karozzi li jibqgħu.

Waqt il-kampanja elettorali tal-2017 f’Malta, Alternattiva Demokratika ipproponiet li fi żmien 20 sena l-karozzi kollha fit-toroq tagħna jkunu jaħdmu bl-elettriku. Din il-proposta tfisser li fuq perjodu ta’ mhux iktar minn għoxrin sena ma jkollniex iktar karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-disil fit-toroq tagħna. B’hekk, bla dubju, it-tniġġiż tal-arja, jonqos drastikament.

Din il-proposta ta’ Alternattiva Demokratika kienet għoġbot lil Joseph Muscat li f’ Settembru 2017, f’waħda mill-prietki tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd kien tkellem favur tagħha. Imma ma smajna xejn iktar dwarha minn dakinnhar!

Billi l-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi tagħna fil-parti l-kbira tagħhom idumu inqas minn ħmistax-il minuta hu ħafna possibli li n-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna jonqos. Dan faċilment jinftiehem għax għal dawn id-distanzi qosra hawn diversi mezzi alternattivi li jassiguraw mobilitá effiċjenti.

Jonqos biss ħaġa waħda: ma hawnx rieda politika biex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.

Il-Furjana, minn barra li għandha t-triq bl-iktar arja mniġġsa f’Malta trid tiffaċċja ukoll l-emissjonijiet tal-vapuri tal-passiġġieri (cruise liners), li, skond id-direzzjoni tar-riħ, iktar iva milli le, jonfħu d-dħaħen tagħhom direttament għal ġoż-żona residenzjali tal-Furjana. Din hi problema li f’miżura inqas hi ffaċċjata ukoll minn Birżebbuġa bħala riżultat tal-moviment tal-vapuri fil-Port Ħieles.

Il-vapuri suppost li jaqilbu l-magni tagħhom fuq żjut u fjuwil li jniġġes inqas hekk kif jidħlu fil-port. Din hi materja li hi regolata minn diversi direttivi tal-Unjoni Ewropeja. Id-diffikultá, bħal dejjem, hi, li l-infurzar tal-liġijiet ftit li xejn ikun osservat.

Teoretikament teżisti soluzzjoni oħra biex ikun ikkontrollat u jonqos sostanzjalment it-tniġġiż mill-vapuri ġaladarba dawn jkunu siguri fil-port. Jista’ jkun possibli li jagħmlu użu minn sors elettriku li joriġina mill-art flok mill-ġeneraturi tal-elettriku fuq il-vapuri.

Lokalment diġa tħejjew żewġ studji preliminari dwar dan: wieħed jiffoka fuq il-Port il-Kbir u l-ieħor fuq it-Terminal tal-Port Ħieles f’Birżebbuġa. Dawn l-istudji saru kif ġie inkoraġġit li jsir mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-promozzjoni tal-użu ta’ elettriku mill-art mill-vapuri fil-portijiet tal-Unjoni Ewropea.

Rakkomandazzjoni li saret fl-2006.

Dawn l-istudji jaslu għal konklużjonijiet simili fis-sens li ma jistax iseħħ progress bħala riżultat ta’ azzjoni unilaterali f’portijiet individwali. L-azzjoni u d-deċiżjonijiet jeħtieġ li jittieħdu fuq livell tal-industrija tal-vapuri u trid tkun misjuqa internazzjonalment jew mill-Unjoni Ewropea.

Huwa magħruf li huma biss il-vapuri li jbaħħru lejn l-istat Amerikan ta’ Kalifornja li għandhom il-kapaċita teknika li jutilizzaw l-elettriku ġġenerat fuq l-art. Dan minħabba li l-Kalifornja għandha liġijiet li tobbliga li dan isir.

Ir-rakkomandazzjoni tal-2006 tal-Unjoni Ewropea ħejjiet it-triq biex saru numru ta’ studji dwar diversi portijiet tal-Unjoni dwar kemm jagħmel sens ekonomiku li fejn hemm portijiet viċin ħafna ta’ żoni residenzjali jitfu l-magni tagħhom u jagħmlu użu tal-elettriku mill-art. Nistgħu biss nittamaw li dawn l-istudji jittieħdu in konsiderazzjoni meta titfassal t-triq il-quddiem.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 22 ta’ Lulju 2018