Minn dak magħruf s’issa dwar il-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta dwar Egrant joħorġu numru ta’ riflessjonijiet u konklużjonijiet ċari.
Il-konklużjoni ewlenija hi li l-korruzzjoni m’huwiex faċli li tippruvaha. Li jkollok suspetti wieħed jifhimha imma li tkun kapaċi tipprova dawk is-suspetti, dik ħaġa oħra.
Kien għalhekk li f’Alternattiva Demokratika qagħdna lura meta bdew ħerġin l-allegazzjonijiet left, right and centre. Kien għalhekk li ma ipparteċipajniex f’dimostrazzjonijiet “kontra l-korruzzjoni”, mhux għax aħna m’aħniex ukoll kontra l-korruzzjoni imma għax safejn kien magħruf ma kien hemm l-ebda prova magħrufa dwar l-allegazzjoni ewlenija u ċjoe li l-Egrant kienet tal-familja Muscat.
Min-naħa l-oħra, l-esistenza ta’ dokumenti falsifikati hi materja gravi li teħtieġ investigazzjoni iktar profonda biex isir magħruf min kien warajhom u li dan jew din jerfa’ r-responsabbiltá ta’ egħmilu.
Waħda mill-konsegwenzi ta’ dan ir-rapport ta’ inkjesta hi li issa sfortunatament hemm il-periklu li r-riżultat tal-inkjesta jintuża biex jiġġustifikaw affarijiet oħra li dwarhom ma ittieħdux passi u dan dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dan hu l-agħar ħaġa li tista’ tiġri, imma diġa qed tinħass.
Fl-aħħarnett nemfasizza dak li diġa għidt il-bieraħ li r-rapport tal-inkjesta għandu jkun ippubblikat fit-totalitá tiegħu.