L-għassies taċ-ċimiterju

Malta, bir-raġun kollu, akkużat lill-Italja li kisret id-dritt internazzjonali meta iddikjarat li l-port ta’ Lampedusa kien magħluq għall-vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi li kienu fuq missjoni ta’ salvataġġ fiċ-ċentru tal-Mediterran. Wara li faqqgħet l-istorja ta’ MV Lifeline, Malta, imbagħad, għamlet l-istess billi għalqet il-portijiet kollha għal dawn l-għaqdiet. Matteo Salvini, il-bully ta’ ħdejna, pubblikament sforza lill-Gvern Malti biex jaddotta l-valuri tiegħu: valuri li jinjoraw id-dinjitá tal-bniedem.

Ġejna ibbumardjati mill-aħbarijiet li l-Kunsill Ewropew kien jaqbel mal-posizzjoni ta’ Malta dwar l-immigrazzjoni. Imma l-qbil tal-Kunsill kien li l-prattika tas-solidarjetá fil-qasam tal-immigrazzjoni kellha tkun fuq bażi volontarja. Ma hemm xejn ġdid f’dan. Ilna nafu b’din il-posizzjoni żmien: sa minn meta Lawrence Gonzi kien għadu jokkupa l-Berġa ta’ Kastilja!

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat issa huwa qrib fil-ħsieb mal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban, il-Kanċellier Awstrijakk Sebastian Kurst u l-Prim Ministru pupazz tal-Italja Giuseppe Conte, li magħhom dal-waqt tingħaqad il-Kanċellier Ġermaniża Angela Merkel, li kellha ċċedi għat-talbiet ta’ Horst Seehofer, mis-CSU, Ministru tal-Intern fil-koalizzjoni tagħha. Ilkoll kemm huma “jittolleraw” is-solidarjetá, sakemm din tkun prattikata minn ħaddieħor.

Nifhem il-ħtiega għat-tejatrin li ħass Muscat biex iċaqlaq lil diversi pajjiżi ħalli jipparteċipaw biex joffru it-tama lill-immigranti fuq MV Lifeline, avolja l-234 persuna umana abbord bagħtew tul l-istennija f’nofs il-Baħar Mediterran, sakemm disa’ stati ddeċidew li kellhom jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom.

Imma dan kollu kien segwit mill-azzjoni kriminali kontra l-kaptan tal-vapur MV Lifeline, il-ħaruf tas-sagrifiċċju fuq l-artal tal-populiżmu, kif prattikat minn Joseph Muscat. Għax donnu kien meħtieġ għal Joseph Muscat li jinnewtralizza l-azzjoni tajba li għamel meta aċċetta li l-MV Lifeline jorbot mal-moll tal-Isla.

Dawk li jissugraw ħajjithom biex isalvaw dik ta’ oħrajn jispiċċaw jaqilgħu fuq rashom. L-ordni biex il-vapuri f’idejn l-għaqdiet mhux governattivi ma jbaħħrux fl-ibħra ta’ salvataġġ responsabbiltá ta’ Malta, anke jekk taparsi hi ordni temporanja, tagħti l-mano libera lill-gwardja tal-kosta Libjana biex “twettaq dmirha” u tassigura li dawk li jitilqu mil-Libja ikollhom għażla bejn żewġ destinazzjonijiet : iċ-ċentri ta’ detenzjoni Libjani inkella qiegħ il-baħar.

Biex jassigura li l-mewt bl-għarqa tkun l-unika għażla realistika il-Gvern Malti issa ipprojibixxa ukoll li ajruplani għat-tiftix u is-salvataġġ operati mill-għaqdiet mhux governattivi Sea Watch u Swiss Humanitarian Pilots Initiative jitwaqqfu immedjatament. Dan wara li diġa wasslu biex ġew salvati madwar 20,000 persuna umana.

Il-mistoqsija inevitabbli hi: dan kollu għaliex?

Is-soċjoloġi Ungeriżi Vera Messing u Bence Ságvári fl-istudju tagħhom intitolat Looking behind the Culture of Fear. Cross-national analysis of attitudes towards migration. li kien ippubblikat bl-għajnuna tal-Fondazzjoni soċjaldemokratika Ġermaniza Friedrich Ebert Stiftung u l-European Social Survey, f’Marzu li għadda, jistħarreġ tweġiba għal din il-mistoqsija.

“L-attitudni kontra l-immigranti, ftit li xejn għandha x’taqsam mal-immigranti”, ikkonkludew Messing u Ságvári. “Dawk f’pajjiżi b’livell għoli ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet, ftit li xejn korruzzjoni, ekonomija stabbli u li taħdem tajjeb, livell għoli ta’ koeżjoni u inklużjoni soċjali (inkluż tal-immigranti) jibżgħu l-inqas mill-immigrazzjoni” jinnotaw l-awturi. Min-naħa l-oħra jibżgħu dawk li “qegħdin f’pajjiżi fejn in-nies ma tafdax, la lil xulxin u l-anqas l-istituzzjonijiet tal-istat u fejn il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetá huma dgħajfa.”

Hi tabilħaqq sfortuna li l-familji politiċi ewlenin ġew kontaminati minn din il-kultura tal-biża’ u b’hekk irrendew ruħhom ostaġġi tal-bulijiet li hawn madwarna.

Il-posizzjoni ġejografika ta’ Malta ma tinbidilx: mhiex negozjabbli. Flok ma niġu mbeżża’ biex b’mod passiv nagħmluha tal-għassiesa taċ-ċimiterju li qed jiżviluppa madwarna nistgħu inkunu proattivi u nfittxu li ninkoraġixxu oħrajn biex jingħaqdu magħna biex inkunu l-port tat-tama fiċ-ċentru tal-Mediterran. Dik dejjem kienet il-missjoni tagħna tant li wieħed mill-isbaħ ċertifikati li għandu pajjiżna huwa dak iffirmat minn San Luqa fl-Atti tal-Appostli meta huwa u jiddeskrivi n-nawfraġju ta’ San Pawl jgħid li l-Maltin “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll ……..”

Sfortunatament l-egħluq tal-portijiet tagħna għall-vapuri operati mill-għaqdiet mhux governattivi fuq missjoni ta’ salvataġġ (wara l-eċċezzjoni tal-MV Lifeline) tindika li Joseph Muscat, imniġġeż kif inhu minn Matteo Salvini, abbanduna kull tama u minflok għażel ir-rwol ta’ għassies taċ-ċimiterju.

ippubblikat fuq Illum il-Ħadd 8 ta’ Lulju 2018

 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s