L-egħluq tal-portijiet qed iwassal ghall-imwiet

 

In-nuqqas ta’ konsiderazzjonijiet umani li biha l-Gvern Malti qed jittrattata l-kriżi tal-immigrazzjoni li qed tiżviluppa madwarna hi kundannabbli. Jekk biss inħarsu lejn il-kuntest lokali, naraw gvern li qed jilgħab logħba ta’ relazzjonijiet pubbliċi u ta’ poter. Logħba li bla dubju qed jiġi mżeffen fiha mill-gvern faxxista Taljan.

F’mument ta’ kriżi ma tiffokax fuq materji insinifkanti bħar-registrazzjoni tal-vapur imma toffri l-għajnuna kollha disponibbli biex tiġi salvata kull ħajja fil-periklu. Li tipprova tikkriminalizza lil min qiegħed isalva il-ħajjiet hu l-ikbar insult possibli lill-ospitalitá tradizzjonali li l-poplu Malti dejjem wera ma kull min kellu bżonnha.

L-aġir tal-Gvern Malti li ordna li jipproċedu kriminalment kontra l-kaptan tal-vapur MV Lifeline qed ikompli jżid il-mibgħeda diġa mxerrda mill-propaganda populista, kemm lokali kif ukoll barranija.

F’dan kollu, qed tiġi njorata l-umanità, il-qalba ta’ kollox. In-nies qiegħdin imutu, u ser jibqgħu imutu jekk ma jsir xejn. Il-gvern Malti għandu l-obbligu etiku u morali li ma jinjorax l-imwiet li qed iseħħu anke riżultat tad-deċiżjoni rresponsabbli li jagħlaq il-portijiet, biex jimita lill-Gvern faxxista Taljan.

L-att kriminali fuq l-ibħra Maltin ma sarx meta kienu salvati in-nies imma meta ngħalqu l-portijiet Maltin għall-vapuri ta’ salvataġġ immexxija mill-għaqdiet mhux governattivi. Bħala riżultat ta’ din id-deċiżjoni hemm diġa numru kbir ta’ mwiet, li qed jiżdied u seta’ faċilment ikun evitat.

 

(cartoon published in Malta Today)

Standards fil-Ħajja Pubblika: għadna nistennew

Is-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja jindika b’mod ċar li l-Att XIII tal-2017 imsejjaħ Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għadu ma daħalx fis-seħħ. Din il-liġi irċiviet il-kunsens tal-President tar-Repubblika nhar it-30 ta’ Marzu 2017 wara li damet perjodu twil pendenti fuq l-aġenda tal-Parlament. Jidher li għad baqgħalna x’nistennew, għax il-partiti politiċi fil-parlament ma tantx jdher li għandhom għaġla.

Il-liġi tipprovdi għall-ħatra ta’ Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan il-Kummissarju jista’ jkun approvat biss kemm-il darba jikseb il-kunsens ta’ żewġ terzi tal-membri parlamentari. Fi ftit kliem irid ikun hemm qbil dwar il-ħatra tiegħu jew tagħha bejn il-Gvern u l-Opposizzjoni li, sa fejn naf jien, għandhom ma qablux. S’issa ħadd ma jaf xejn, l-anqas jekk ġewx proposti ismijiet, minn min u x’kienet ir-reazzjoni dwarhom.

Il-liġi approvata tapplika għall-Membri kollha tal-Parliament, inkluż il-membri tal-Kabinett. Tapplika wkoll għal dawk il-persuni maħtura f’posizzjoni ta’ fiduċja (position of trust) fil-Ministeri u s-Segretarjati Parlamentari.

Meta iktar kmieni matul din il-ġimgħa iltqajt mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Onorevoli Anġlu Farrugia, jiena emfasizzajt li dan id-dewmien biex tkun implimentata din il-liġi dwar l-imġieba xierqa tal-Membri Parlamentari u dawk maħtura f’posizzjoni ta’ fiducja qiegħed jibgħat messaġġ ċar ħafna: li l-Membri Parlamentari m’għandhom l-ebda ħeġġa biex iwieġbu għal egħmilhom.

Jiena niftakar lill-Ispeaker, xi snin ilu, jemfasizza li hu ma kienx sodisfatt mill-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-assi sottomessi minn uħud mill-Membri Parlamentari. Issa għandu l-għodda biex jinvestiga dwar il-veraċitá ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet imma sfortunatament m’huwiex jitħalla jagħmel użu minnhom! Il-Membri Parlamentari għandhom jagħtu kont ta’ egħmilhom, iżda l-fatt li l-liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għadha ma daħlitx fis-seħħ qiegħed jostakola dan milli jseħħ.

Meta tħares lejn dan in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-liġi waħdu tista’ tinterpretah bħala tkaxkir tas-saqajn mill-Membri Parlamentari u l-mexxejja tagħhom li jippreferu ma jitqegħdux taħt il-lenti tal-iskrutinjun pubbliku. Imma meta dan kollu tqisu fil-kuntest tar-rapport annwali tal-Ombudsman għas-sena 2017 huwa ċar li dan it-tkaxkir tas-saqajn m’huwiex limitat iżda hu mifrux ħafna. Id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni dwar il-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika qiegħed taħt assedju.

Il-kontabiltá u it-trasparenza m’humiex slogans. L-anqas huma negozjabbli. Huma valuri fundamentali li jiffurmaw parti essenzjali mis-sisien tal-istat demokratiku.

Jiena tlabt lill-Ispeaker biex jiġbed l-attenzjoni tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra li dan it-tkaxkir tas-saqajn biex ikun implimentat l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika mhuwiex aċċettabbli. Huwa essenzjali li l-liġi tkun implimentata malajr kemm jista’ jkun jekk iriduna nemmnu li għall-partiti politiċi fil-parlament il-kontabilitá tfisser xi ħaga.

B’żieda mar-responsabbiltá li jinvestiga l-imġieba kemm tal-Membri Parlamentari kif ukoll dik tal-persuni ta’ fiduċja, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ser ikollu ukoll l-inkarigu li jfassal kemm il-linji gwida kif ukoll ir-regolamenti proposti dwar l-attivitá tal-lobbying. Dwar din l-attivitá b’implikazzjonijiet etiċi sostanzjali l-partiti politiċi fil-Parlament ma qablux meta din il-liġi kienet qed tiġi ikkunsidrata quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-konsiderazzjoni tal-abbozzi ta’ liġijiet. Bħala riżultat ta’ dan Il-materja intefgħet f’ħoġor il-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika li meta jinħatar ser ikun hu li jkollu jfassal kemm il-linji gwida kif ukoll r-regolamenti proposti.

Il-lobbying hi attivitá essenzjali fil-ħajja pubblika. Jeħtieġ iżda li issir b’mod li jkun assigurat illi d-deċiżjonijiet mittieħda mill-politiċi jkunu kemm trasparenti kif ukoll b’rispett sħiħ lejn r-regoli bażiċi tal-etika.

Il-lobbying huwa ta’ influwenza kontinwa fuq id-deċiżjoniiet li jittieħdu. Huwa essenzjali li dan issir b’mod mill-iktar trasparenti biex ikun ċar għal kulħadd dwar liema interessi jkunu qed jiġu mmexxija l-quddiem. Dan bla dubju jfisser li ikun meħtieġ il-pubblikazzjoni ta’ ammont mhux żgħir ta’ informazzjoni li presentement hi fil-pussess ta’ membri tal-Kabinett u li ġeneralment tibqa’ fil-files – meta tkun miktuba. Din hi informazzjoni li ġeneralment tkun il-bażi għall-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Bla ebda dubju, il-linji gwida u r-regolamenti dwar il-lobbying iridu jindirizzaw u jirregolaw x’jista’jagħmel membru tal-Kabinett meta jispiċċa mill-ħatra, materja magħrufa bħala revolving door policy. Dan minħabba li s-settur regolat mill-Ministru jkollu għatx għal informazzjoni (kunfidenzjali) li dan ikun kiseb kemm ikun ilu fil-ħatra kif ukoll għall-kuntatti u influwenzi akkumulati fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Xi drabi għaldaqstant meta Ministru jew Segretarju Parlamentari, hekk kif itemm il-ħatra tiegħu ikun offrut impieg f’dak l-istess settur li ftit qabel ikun dipendenti minnu jeħtieġ li nieqfu ftit. Dan ovvjament għax miegħu iġorr aċċess akkumulat kemm għal informazzjoni miksuba kif ukoll għal kuntatti u influwenza fuq il-proċess deċiżjonali. Il-linji gwida u r-regolamenti jridu jistabilixxu kemm jeħtieġ li jgħaddi żmien qabel ma dan ikun jista’ jseħħ. .

Huwa dan kollu li qed nistennew. Hemm ħafna li jeħtieġ li jsir imma ma jidher li hemm l-ebda impenn biex dan isir.

Ippubblikat fuq Illum : 1 ta’ Lulju 2018