“Tradituri” f’nofshom

Waqt li n-Nazzjonalisti huma ppreokkupati bit-“tradituri” f’nofshom, it-tmexxija tal-partit tidher li hi inkwetata li l-partit hu maqtugħ mir-realtá, kif fil-fatt hu!

Il-Partit Nazzjonalista mhux ser ikun iktar partit ta’ elitisti – dawk b’imneħirhom imxammar – iddikjara Dottor Adrian Delia. Wieħed dejjem jista’ jipprova jagħmel dan: ir-riżultati jkun jista’ jarahom kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista, qal Dottor Adrian Delia, għandu joffri leħen għan-nies f’kull qasam tal-ħajja. Inkluż forsi, vuċi għat-“tradituri” ukoll!

It-taqlib li għaddej minnu l-PN hu kbir. Qed ngħid taqlib, mhux tibdil. Prinċipalment passi lura. Huwa ċar li l-ftit passi żgħar ‘il-quddiem li saru taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil ftit li xejn kellhom aċċettazzjoni mill-membri tal-PN fil-livelli kollha. Bosta jidher li qisuhom bħala imposizzjoni: il-politika tal-inklussivitá għadha mhix parti mil-lingwaġġ aċċettat mill-PN u wisq inqas mill-politika mħaddna. Diversi fil-PN, sfortunatament, għadhom imxennqin għall-għeruq fundamentalisti.

Kultant nisimgħu xi leħen maħnuq ifakkarna fl-għajta tal-bieraħ “religio et patria”. Għajta li tistona f’kuntrast mal-pluraliżmu etiku u l-identitá Ewropea mħaddna minn sezzjonijiet dejjem jikbru tas-soċjetá Maltija illum. Jidher li l-PN ma tgħallem xejn mill-esperjenzi riċenti tiegħu b’mod partikolari mid-diskors u l-atteġġjamenti fundamentalisti tat-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi.

L-ebda partit politku ma jista’ jingħalaq fih innifsu u ma jagħtix kaz ta’ dak li qed jiġri madwaru. Il-valuri tas-soċjetá li qed naħdmu fiha qegħdin fi stat ta’ trasformazzjoni kontinwa, kultant mgħaġġla ħafna, u dan għandu jkun rifless ukoll fil-mod li bih nagħmlu l-poltika. Il-PN illum qed iħallas il-prezz politiku għax fil-passat riċenti dan ma għarfux. Jidher li anke fil-preżent hu deċiż li jibqa’ għaddej fl-istess triq żbaljata.

Instigat minn persuni bħal Edwin Vassallo, il-Membru Parlamentari mill-Mosta li bħal Don Quixote kontinwament ikollu viżjonijiet ta’ mtieħen ineżistenti, il-PN tilef opportunitá oħra meta l-Parlament kellu quddiemu l-abbozz ta’ liġi dwar il-vjolenza domestika. Kif spjegali wieħed mill-Membri Parlamentari tal-PN, il-grupp parlamentari tal-PN kien diġa ivvota favur l-abbozz ta’ liġi dwar id-Vjolenza Domestika kemm fl-istadju ta’ l-ewwel qari kif ukoll fl-istadju tat-tieni qari. Kien biss meta Edwin Vassallo tfixkel minħabba l-viżjoni tal-imtieħen tiegħu li nbidel il-ħsieb u kulħadd fil-grupp parlamentari telaq għal rieħu.

Issa l-PN għamel pass ieħor. Ittimbra “tradituri” lil dawk li kellhom il-kuraġġ li jsemmgħu leħinhom u li ma jibqgħux imxekkla mill-irbit tal-fundamentaliżmu.

L-attitudnijiet tal-lum imorru lura għall-posizzjoni ta’ prinċipju li ħadet Therese Commodini Cachia li irrifjutat li ssegwi l-posizzjoni tal-Opposizzjoni kontra l-Ordni għal Standard Nazzjonali dwar il-leave għall-prokreazzjoni medika assistita f’Ottubru 2017.

Tmien membri parlamentari tal-PN u ċioe Claudette Buttigieg, Chris Said, Simon Busuttil, Karol Aquilina, Mario De Marco, Karl Gouder, Jason Azzopardi u Therese Commodini Cachia bħala riżultat tal-vot ħieles tal-Opposizzjoni appoġġaw l-abbozz ta’ liġi dwar il-Vjolenza Domestika bil-bqija tal-grupp parlamentari jivvota kontra.

Biex ikompli jgħaxxaqqa, il-Kap tal-Opposizzjoni, wara li spiċċat din il-kummiedja ddikjara li l-abbozz ta’ liġi approvat, li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, ikun wieħed minn ta’ l-ewwel li meta l-PN ikun fil-Gvern jitħassar. Mid-dehra Dottor Delia mhux jirrealizza li bi kliemu qiegħed jimbotta dak il-jum (li l-PN ikun fil-Gvern) ħafna iktar il-bogħod. Possibilment li l-Kabinett Nazzjonalista li jmiss għadu l-anqas biss twieled!

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 13 ta’ Mejju 2018

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s