L-IVF mhux kapriċċ: (2) Pluraliżmu Etiku

Min jikkritika l-IVF fit-totalitá tagħha, inkella aspetti partikolari biss, naħseb li jagħmel dan bi skopijiet tajba. Ikun jixtieq jaqsam magħna lkoll il-valuri “tajba” tiegħu jew tagħha.

Ovvjament nafu li ilu li spiċċa ż-żmien li naħsbu b’moħħ wieħed. Kulħadd illum jipprova jogħmod dak li jisma’ u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. M’aħniex differenti minn pajjiżi oħra f’dan. Bħala pajjiż għaddejjin minn process li pajjiżi oħra ilhom żmien twil li għaddew minnu. Illum il-ġurnata m’għadniex iżolati u allura r-ritmu tat-tibdil għaddej b’mod aċċelerat għax aħna influwenzati minn dak kollu li naraw u nisimgħu.

Kif ġara waqt id-dibattitu nazzjonali dwar ir-referendum li wassal għad-divorzju, kulħadd illum qed jirrealizza li f’pajjiżna l-pluralitá tmur lil hinn miċ-ċikkulata u t-toothpaste. Anke lil hinn mix-xandir. Illum nitkellmu ukoll dwar pluraliżmu etiku. Għandna fil-pajjiż valuri differenti, diversi drabi konfliġġenti, li jeżistu fostna fl-istess ħin. Huwa dan li jġib l-argumenti u li jagħlef id-dibattitu pubbliku u per konsegwenza jnissel il-ħtieġa ta’ bidla li tagħmilha possibli li dawn il-valuri jikkoeżistu.

L-argument ewlieni etiku huwa dwar meta tibda l-ħajja. Jekk tibdiex mal-konċepiment jew f’xi żmien ieħor. Dan hu argument li diġa ffaċċajnieh waqt id-dibattitu pubbliku dwar il-Morning After Pill.

Il-ħajja fir-realtá ma hiex switch li tixegħlu jew titfiegħ f’xi mument partikolari. M’hemmx mument partikolari imma hu process ta’ numru ta’ siegħat fejn wara li sseħħ il-fertilizzazzjoni (l-konċepiment) iċ-ċelluli li jirriżultaw jibdew jimmutiplikaw, jiżviluppaw u eventwalment tibda l-ħajja. F’dan il-mument ikun għad ma hemm l-ebda bniedem: għalhekk hu ġustifikabbli li tintuża l-Morning After Pill li twaqqaf il-proċess kollu. Għall-istess raġunijiet huwa ġustifikabbli l-iffriżar tal-embrijun li jkun qed jifforma. Fid-daqs dan ikun daqs ta’ tikka!

Dan hu l-argument kollu li dwaru hemm opinjonijiet differenti.

L-argument ikompli dwar x’jiġri wara li toħroġ l-embrijun li qed jifforma mill-friża. Jekk il-proċess ikompli m’hemmx problema. Imma jekk jieqaf, hemm min iħoss il-kuxjenza tniggżu għax jaħseb li jkun temm ħajja.

Huwa għal din ir-raġuni li Alternattiva Demokratika qed tgħid li min għal raġunijiet ta’ kuxjenza ma jaqbilx mal-iffriżar għandu jkollu d-dritt li juża l-IVF mingħajr iffriżar. Dan ovvjament jista’ jillimita is-suċċess tat-trattament tal-IVF. Imma min ikollu din id-diffikulta etika għandu kull dritt li japplika l-brejk fuq il-konsulenti li qed jagħtuh it-trattament.

Min-naħa l-oħra min m’għandu l-ebda diffikulta dwar l-iffriżar għandu jkollu kull dritt li jibbenefika ruħu mit-trattament sħiħ.

Din hi materja serja ħafna u qed nagħmlu tajjeb li qed niddiskutuha f’mod intens. Huwa sinjal posittiv anke bħala pajjiż.

 

ikompli : (3) Mill-friża għall-adozzjoni

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s