L-Awtoritá tal-Ippjanar : ABZ mill-ambjent

 

Għamlu tajjeb il-Moviment Graffiti u l-Kamp Emergenza Ambjent li ipprotestaw waqt laqgħa tal-Bord tal-istess Awtoritá u wasslu biex il-laqgħa li kienet qed tikkonsidra l-ħruġ ta’ permess għall-pompa oħra tal-petrol titħassar.

Il-permessi għall-pompi tal-petrol ħerġin bħall-pastizzi. Ma għandiex bżonn pompi tal-petrol ġodda. Li għandna bżonn u li jibdew jagħlqu dawk li hawn mhux li jiftħu l-ġodda.

Xi xhur ilu l-Prim Ministru kien iddikjara li l-Gvern jaqbel li jispiċċaw mit-toroq Maltin karozzi li jaħdmu bil-petrol u bid-diesel u li fil-futur il-karozzi kollha jkunu jaħdmu preferibilment bl-elettriku.

Alternattiva Demokratika taqbel ma dan tant li dan kien ġie propost fil-Manifest Elettorali ta’ AD fl-aħħar elezzjoni ġenerali : l-unika partit politiku li ħa din il-posizzjoni ċara qabel l-elezzjoni.

Il-politika li biha l-permessi għall-pompi tal-petrol ħerġin bħall-pastizzi hi għodda għall-ispekulazzjoni tal-art u l-Awtoritá tal-Ippjanar flimkien mal-Gvern u l-Opposizzjoni huma kompliċi f’din l-ispekulazzjoni.

Għalhekk l-Awtoritá tal-Ippjanar mhiex serja, qed tagħmel il-ħsara lill-ġenerazzjonijiet futuri. Ghandna Awtoritá tal-Ippjanar li hi ABZ mill-ambjent.