Bomba tal-ħin jisimha Pilatus

Il-kwistjoni tal-bank Pilatus Bank għandha l-potenzjal li tkun il-kawża ta’ ħsara li tmur lil hinn minn dik lir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Iktar kmieni din il-ġimgħa kien żvelat li ċ-Chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad bħala riżultat ta’ investigazzjonijiet li kienu ilhom għaddejjin madwar sitt snin kien arrestat fl-Istati Uniti tal-Amerika u akkużat li pprova jdur mas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża banek Amerikani ħalli jittrasferixxi miljuni ta’ dollari mill-Venezwela b’mod li ħeba l-konnessjoni Iranjana.

Ġejna infurmati li dawn l-akkużi, jekk ippruvati, jistgħu jwasslu sa massimu ta’ 125 sena l-ħabs.

F’temp ta’ ftit siegħat, nhar il-Ħamis, hekk kif ħarġet l-aħbar, l-Awtoritá Maltija tas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) neħħiet lil Ali Sadr Hasheminejad mit-tmexxija tal-bank Pilatus, inkluż li ssospendiet d-drittijiet kollha tiegħu fuq il-bank u mbagħad ipproċediet biex ħatret amministratur bl-inkarigu li jmexxi l-bank u jieħu ħsieb l-assi kollha tiegħu. Dan sar wara li MFSA tat direzzjoni li l-bank ma kellux jiddisponi minn, jillikwida, jittrasferixxi jew b’xi mod imiss l-assi u l-flus tal-klijenti tal-bank.

Issa sirna nafu ukoll li x-xahar li għadda l-Awtoritá Ewropeja dwar il-Banek (European Banking Authority) kienet ordnat li tinbeda investigazzjoni preliminari dwar is-supervizjoni tal-bank Pilatus mill-Awtoritá Maltija tas-Servizzi Finanzjarja u b’mod partikolari dwar il-verifiki li kellhom isiru in konnessjoni mal-kapital inizzjali ta’ €8 miljuni li Ali Sadr Hasheminejad uża biex waqqaf il-bank.

Damu ftit jaħsbuha!

Bosta minna jiftakru lil Ali Sadr Hasheminejad ħiereġ mill-uffiċini ta’ Pilatus f’Ta’ Xbiex tard fil-għaxija, jum fost l-oħrajn, bil-kameras tat-TV jiġru warajh u bil-gurnalisti jfajjru l-mistoqsijiet. Kienu qed jistaqsu jekk fil-bagalji li kellu kienx hemm xi dokumenti tal-bank konnessi mal-kontroversja dwar min kienu is-sidien ta’ Egrant inkella dwar it-trasferimenti ta’ flejjes minn uħud mill-kontijiet tal-bank.

Ir-Repubblika tal-Azerbajġan ilha ftit turi interss f’kooperazzjoni ma’ Malta. Ta’ interess f’dan is-sens kienet stqarrija ta’ 127 kelma li ħarġet lejn tmiem Diċembru tal-2014 li ħabbret li kien ġie iffirmat ftehim bejn Konrad Mizzi, dakinnhar Ministru tal-Enerġija ta’ Malta u l-kontro-parti tiegħu Natiq Aliyev kif ukoll ftehim ieħor mal-kumpanija statali taż-żejt tar-Repubblika tal-Azerbajġan (SOCAR). La l-istampa Maltja ma kienet hemm u l-anqas ma kien hemm uffiċjali pubbliċi jassistu lid-delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Dakinhar kulħadd kien staqsa “għaliex ?”

F’dan l-isfond ma nafx liema hu dak il-pajjiż li jista’ jżomm ir-reputazzjoni tiegħu intatta!
Bħalissa għaddejjin diversi investigazzjonijiet, lkoll bil-pass ta’ nemla. F’xi ħin, nittama li mhux il-bogħod, kapaċi naraw il-biċċiet jingħaqdu fi stampa waħda li tkun ċara u li tinftiehem minn kulħadd.

Kull investgazzjoni mitmuma, kull rapport konkluż, tnaqqas it-tul tal-miċċa ta’ din il-bomba tal-ħin. Nittama biss li meta din il-bomba tal-ħin tieħu teqred biss lil dawk li ħolquha jew lil dawk li qagħdu jitbissmu lil dawk li ħolquha. Sfortunatament il-ħsara tinfirex.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018

 

Ir-rigali tat-tieġ ta’ Venezja

Il-kurżitá ta’ Simon Busuttil m’għandhiex limitu.

Issa jrid ikun jaf ukoll dwar ir-rigali tat-tieġ li Joseph Muscat u Keith Schembri taw lil Ali Sadr Hashiminejad, sid il-bank Pilatus. Mhux biss, irid ikun jaf ukoll min ħallas għalihom!

Mid-dehra din ser tkun xi mistoqsija parlamentari għal wara l-vaganzi tal-Għid. Probabbilment li jidħol fin-nofs Anġlu Farrugia l-Ispeaker u jerġa’ jżomm id-domanda milli ssir, bħalma ġara ftit ilu meta Simon Busuttil ried ikun jaf dwar il-kontijiet tal-bank tal-Kasco!

Simon Busuttil qed jgħid li biex Hashiminejad stieden lil Joseph Muscat u lil Keith Schembri għat-tieġ dawn bil-fors kienu ħbieb sew, ħbieb tal-qalba. Simon Busuttil qiesu qed jibdel id-diska issa. M’għadux jgħid li dawn kienu klijenti tal-bank u li kien jiftħilhom il-kontijiet l-hawn u l-hemm bil-miljuni jtiru min-naħa għall-oħra tad-dinja qieshom żerriegħa tal-ħarrub.

Issa jekk Simon Busuttil għandu kurżitá biex ikun jaf x’rigali rċieva Hashiminejad mingħand Joseph u Keith, il-kurżita tagħna hi waħda differenti: mhux aħjar inkunu nafu min kienu l-mistednin l-oħra għat-tieġ ta’ Venezja? S’issa nafu bil-koppja Bencini, imma kien hemm ukoll bosta oħrajn. Min kienu: ħbieb, klijenti jew pedini importanti li jaħdmu mar-regolaturi differenti f’Malta?

Għax jista’ jkun li dawn il-mistednin (li s’issa isimhom mhux magħruf) tawħ ħafna iktar minn rigal tat-tieġ lil Hashiminejad. U xejn ma niskanta jekk għal dan diġa ħallasna aħna lkoll.