Diversi qed jistaqsu għalfejn dan l-għaġeb kollu dwar min attenda għat-tieġ li sar Venezja fejn iżżewweġ dak li sa ftit ġranet ilu kien iċ-Chairman u s-sid tal-bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad.
Kull wieħed minna għandu l-obbligu li joqgħod attent biex dak li jagħmel fil-ħajja privata tiegħu jew tagħha ma jirriflettix ħażin fuq il-ħidma pubblika tiegħu jew tagħha. Biex inkun ċar, meta ngħid il-ħidma pubblika mhux qed nillimita ruħi għall-politiċi.
Sfortunatament għal bosta sar qiesu xejn m’hu xejn.
L-arrest fl-Istati Uniti tal-Amerika ta’ Ali Sadr Hasheminejad sar il-ġimgħa l-oħra. Kien arrest dwar ksur tal-liġijiet Amerikani fuq is-sanzjonijiet kontra l-Iran.
Imma kien ix-xahar l-ieħor li l-European Banking Authority fetħet inkjesta preliminari dwar is-sorveljanza li l-MFSA għamlet fuq il-bank Pilatus u b’mod partikolari dwar id-due diligence meħtiega biex ikun stabilit is-sors tat-€8 miljuni kapital inizzjali biex fetaħ il-bank.
L-issue tal-ħasil tal-flus ilha tissemma xhur sħaħ fil-konfront tal-bank Pilatus.
Il-mistoqsija allura li teħtieġ tweġiba hi dwar jekk kienx hemm preżenti għal dan it-tieġ f’Venezja persuni li x-xogħol tagħhom ta’ kuljum jikkonċerna s-sorveljanza kontra l-ħasil tal-flus.
Biex inkun l-iktar ċar possibli ħa nikkwota ir-rapport ta’ Lovin Malta li ġie ippubblikat il-bieraħ il-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018. Jgħid hekk :
“Also present at Ali Sadr’s wedding was Juanita Bencini, a consultant at KPMG – the auditors of Pilatus Bank. Bencini is President of the Institute of the Financial Services Practitioners and chairs the IFSP’s Prevention of Money Laundering And Funding Of Terrorism committee. She is also board member of the government’s finance promotional arm FinanceMalta and chairs the anti-money laundering committee of the Malta Institute of Accountants.
She was accompanied to the wedding by her husband Austin Bencini, who sits on the board of directors of Allied Newspapers – which owns The Times of Malta.”
Ikun interessanti ħafna jekk inkunu nafu x’taħseb l-MFSA dwar dan. U kif qegħdin fiha l-korpi professjonali tal-accountants u l-awdituri jistgħu jilluminawna ftit ukoll!
L-etika professjonali fejn hi?