Id-dellijiet ta’ Adrian Delia

Mid-dehra, Adrian Delia ma jkunx inkwetat jekk flok id-dellijiet tas-siġar nispiċċaw bid-dellijiet tat-torrijiet li qed jinbnew. Dan joħroġ minn kummenti li l-media xandret wara li segwiet laqgħa bejn Adrian Delia u l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi ta’ Malta li fiha Sandro Chetcuti għamel ħiltu biex iħeġġeg lill-partit ta’ Delia li kien għaqli li jimxi fuq il-passi tal-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat u jindiehes iktar man-nies tan-negozju. Fi ftit kliem li jkun business-friendly.

Din mhux l-ewwel darba li Sandro Chetcuti pprova jħeġġeg lill-partiti politiċi ewlenin li jaqblihom jekk jisimgħu minnu. Drabi oħra qabbel lil Partit Laburista u lil Partit Nazzjonalista ma żewġt iħwienet kbar li perjodikament ikollhom offerti speċjali tal-blieh. Il-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, kien jiftaħar Sandro Chetcuti, huma dejjem b’għajnejhom miftuħa għall-offerti speċjali, għax dak ikun il-mument li jaqilbu min-naħa għall-oħra.

Li jkollok Gvern li jdub quddiem in-nies tal-flus hi opportunitá tad-deheb għal dawk li jridu jdawru lira. Għax, mhux hekk, wara kollox ma hemm l-ebda differenza bejn id-dell tas-siġar u dak tat-torrijiet: it-tnejn jipproteġu mill-qilla tax-xemx!

Jidher li Delia l-iżviluppatur ittrasforma ruħu f’Delia l-Kap ta’ Partit biex ipproduċa l-izviluppatur-politiku tas-seklu 21. Tidher stramba l-biċċa, imma dejjem kienet hemm, kemm kemm ma tidhirx: bl-iżviluppatur jissielet bejn djun mal-banek u argumenti mal-awtoritajiet tat-taxxa. Fil-passat kellna politiċi li deffsu imnieħirhom fl-iżvilupp tal-art. Illum għandna sitwazzjoni bil-maqlub: għandna żviluppatur li qed ideffes imnieħru fil-politika!

Il-kunflitt bejn dak li jsejħulu żvilupp u l-ambjent ma jispiċċa qatt. Il-problemi li jinħolqu mhux ser ikunu iktar faċli biex jissolvew jekk flok politiċi-żviluppaturi jkollna l-iżviluppatur-politiku. Adrian Delia ġie rappurtat jgħid li ried jiffoka fuq “ippjanar għal viżjoni fit-tul għall-industrija”, ċjoe għall-industrija tak-kostruzzjoni. Probabbilment li dak kien Delia l-iżviluppatur li kien qiegħed jitkellem. Jekk il-ħsibijiet ta’ Delia l-politiku jikkuntrastawx ma dan għadu ftit kmieni biex nintebħu.

L-istampa kienet okkupata tirrapporta li Delia l-politiku kien medhi jitħakkek mal-iżviluppaturi tat-torrijiet. Kien hemm diversi laqgħat ta’ Adrian Delia ma żviluppaturi stabiliti, b’mod partikolari ma dawk involuti fl-iktar proġetti kontroversjali li issemmew dan l-aħħar. Ovvjament li l-iżviluppaturi, b’mod organizzat, qed jaħdmu fuq l-Opposizzjoni, jitolbu l-appoġġ tagħha huma u jgħumu fil-kontroversji kurrenti. Diffiċli tgħid jekk f’din l-okkazjoni sarux jew ġewx imwegħda xi donazzjonijiet (finanzjarji) li ċertament huma meħtieġa biex jittaffew id-djun kbar li l-PN hu mifni bihom.

Dawn il-laqgħat ġew f’mument interessanti ħafna, meta l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin ġie appuntat konsulent tas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetá. Billi qed jintqal li din il-ħatra mhux ser tkun il-kawża ta’ kunflitt ta’ interess hu probabbli li din is-sitwazzjoni ser tkun rimedjata billi fl-istess ħin jingħata parir liż-żewġ naħat tal-Parlament. Hu ċar li l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qed tinkoraġixxi lil Adrian Delia biex huwa jimxi fuq il-passi ta’ Joseph Muscat billi anke hu jkun ħabib sew man-nies tan-negozju (business friendly). Delia mid-dehra dieħel bir-ras mingħajr m’hu jirrealizza li bħala riżultat ta’ dan, il-PN dieħel iktar ‘il-ġewwa fil-but tal-iżviluppaturi.

Sadanittant l-istupru ta’ pajjiżna jibqa’ għaddej. Kif ilu għaddej għal iktar minn 40 sena. Jonqsu d-dellijiet ta’ siġar u fl-istess waqt jiżdiedu id-dellijiet tat-torrijiet.

Dan isejħulu progress!

 

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 18 ta’ Marzu 2018

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s