Illum : wara li l-Arċisqof beżaq mis-sunnara tal-PN

 

L-emendi Kostituzzjonali reġgħu fuq l-agenda.

Nafu li tul dawn l-aħħar snin il-possibilita li tiltaqa’ l-konvenzjoni kostituzzjoni kienet limitata minħabba li ġie mdeffes fin-nofs Franco Debono. Il-Partit Laburista ried lilu u l-Partit Nazzjonalista oppona. Nifhmu li għad qed isiru sforzi biex din il-problema tingħeleb.Imma qed jingħadu diversi affarijiet oħra li huma ta’ interess kbir.

Madwar tlett ġimgħat ilu, Mons Scicluna qal li l-Knisja ma jkollha l-ebda oġġezzjoni li titneħħa r-referenza għal Kattoliċiżku mill-Kostituzzjoni Maltija. Il-Knisja, qal Mons. Scicluna, ma tridx privileġġi imma trid il-libertà reliġjuża. Dikjarazzjoni makakka u f’waqtha ta’ Mons Scicluna li indirizzat waħda mill-issues jaħarqu quddiem il-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Jaħarqu fis-sens li kien (u għadu) antiċipat li l-PN jopponi din il-bidla. Dan minkejja li din il-bidla kostituzzjonali ma għandhiex bżonn żewġ terzi tal-Parlament għall-approvazzjoni, iżda teħtieġ biss maġġoranza sempliċi. Bid-dikjarazzjoni ta’ Mons Scicluna l-Knisja beżqet mis-sunnara tal-P.N. u mhux ser tħalli lill-P.N. jinqeda biha!

Issa li l-Knisja beżqet mis-sunnara tar-Religio et Patria, illum ħarġet ir-reazzjoni ta’ Adrian Delia, mexxej tal-PN, u dan kif antiċipat. Ser jibda jbeżża’ bil-babaw ġaladarba l-Knisja mhux ser tħallieh jinqeda biha. Dalgħodu kien rappurtat li Adrian Delia qal li l-Prim Ministru jrid ineħħi l-kurċifissi mill-iskejjel! Daqt jibda jgħidilna li sejrin l-infern!

Ir-realta hi li Malta għandha bżonn Kostituzzjoni lajka, jiġifieri kostituzzjoni li filwaqt li tirrispetta l-liberta reliġjuża tkun waħda li ma tpoġġi l-ebda reliġjon fiċ-ċentru tagħha. Tkun kostituzzjoni sekulari. Il-pajjiż hekk hu fir-realtà, wieħed lajk, u l-kostituzzjoni tiegħu għandha tirrispetta dan il-fatt.

Hemm bżonn ftit iktar serjeta meta niddiskutu l-kostituzzjoni. B’mod partikolari mill-partit tal-avukati!

Sadanittant Alternattiva Demokratika qed tistenna li tibda l-konvenzjoni kostituzzjonali biex tkun tista’ tinvolvi ruħha fid-diskussjoni dwar it-tibdil meħtieġ fil-kostituzzjoni Maltija. S’issa, AD ma hiex involvuta f’xi diskussjjonijiet li jidher li għaddejjin.

L-aħħar ħarruba ġo Buleben u s-sens komun

 

Il-bdiewa ġo Buleben ġew ordnati jiżgumbraw għax l-art li ilhom jindukraw ġenerazzjoni wara l-oħra trid tagħmel il-wisgħa għal fabbriki ġodda. Għax qalulna li għandna bżonn il-fabbriki. Qiesu m’għandniex bżonn ir-raba’ wkoll: il-ftit li baqa’!

Hi storja li ilha tirrepeti ruħha, kontinwament. Tomna wara l-oħra qed tinbela mill-konkos jew mit-tarmac. F’Buleben iridu jkabbru ż-żona industrijali. F’inħawi oħra jridu jgħaddu t-toroq jew jibnu id-djar jew xi lukanda, inkella joħolmu b’pompa tal-petrol, waħda wara l-oħra. Inkella nimlew lill-pajjiż bit-torrijiet, kompetizzjoni ta’ simboli falliċi, wieħed ikbar mill-ieħor.

L-attakk fuq l-art mhux żviluppata donnu li ma jistax jieqaf. L-iżviluppatur f’dan il-każ hu l-Gvern permezz tal-Malta Industrial Parks Limited. Anke l-Gvern qed jipprova jagħmel bħal uħud mill-iżviluppaturi: jipprova jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd.

Dan xi progress hu? Għandna bżonn nieqfu naħsbu ftit dwar il-konsegwenzi ta’ dak li għaddej, tat-tħarbit li qiegħed jiġi ippjanat. Min qed iqis l-effett ta’ dan kollu?

Bla dubju l-espansjoni taż-żona industrijali ilha ippjanata żmien, snin kbar, sa minn meta tfassal għall-ewwel darba l-inħawi fis-snin sittin meta l-Korporazzjoni Maltija tal-Iżvilupp bdiet tiżviluppa l-ewwel żoni industrijali. Imma fortunatament dakinnhar ma kienx hemm bżonn l-art kollha u z-zona industrijali ma kienitx kbira daqs kemm kien ippjanat. Imma l-qbiela mingħand il-bdiewa ilha sa minn dakinhar ma tkun aċċettata. Issa tawhom ordni ta’ żgumbrament u għandhom xahar żmien biex joħorġu ‘l-barra.

Ta’ Buleben, dejjem kienet meqjusa bħala art mill-iktar għammiela, sakemm ħallewha bi kwieta. Fil-fatt Erin Serracino Inglott fil-Miklem Malti jfisser il-kelma Buleben bħala “sid l-imrieħel li jagħtu ħafna ħalib”. Kien għalhekk li meta l-agrikultura kella importanza ekonomika ikbar li l-art ta’ Buleben kienet meqjusa bħala ta’ importanza għax kienet art li tirrendi. Min għandu Ta’ Buleben, jgħid wieħed mill-qwiel li ħolqu missierietna, id-dinja tagħtih widen. Għax agrikultura għammiela kienet tfisser ukoll saħħa ekonomika, meta l-agrikultura kellha importanza ċentrali fil-ħajja ta’ missierijietna.

L-art hi tal-Gvern li bla dubju issa ser jargumenta li ma baqax biżżejjed art fejn jikbru ż-żoni industrijali. Forsi jgħidilna ukoll li wieħed mill-oqsma industrijali li seta jintuża flok dak ta’ Buleben kien dak tar-Rikażli. Imma ż-żona industrijali tar-Rikażli sadanittant ingħatat għall-ispekulazzjoni minn Gvern ieħor li injora l-ħtieġa ta’ iktar spazju għall-fabbriki. Ikollu raġun jekk jgħid hekk il-Gvern. Imma mhux biżżejjed li nippuntaw subgħajna lejn l-iżbalji ħoxnin tal-bieraħ biex niġġustifikaw l-iżbalji tal-lum. Xorta jibqalna l-obbligu li illum nagħmlu ħilitna kollha biex nipproteġu l-ftit li baqa’.

Huwa għalhekk floku dak li qed tagħmel l-għaqda Żejtunija Wirt iż-Żejtun, immexxija mill-Perit Żejtuni Reuben Abela. Għax anke iż-Żejtun, jeħtieġ u jixraqlu l-protezzjoni. Huwa pass ‘il-quddiem li n-nies, huma għajnejhom miftuħin beraħ biex, safejn hu possibli, huma ukoll iħarsu wirt missirijietna.

Hu possibli, kif qalet l-assoċjazzjoni Wirt iż-Żejtun li jintuża spazju fiż-żona industrijali mingħajr ma tintmiss iktar raba’. Ikun floku ukoll li niftakru li l-Pjan Lokali għan-Nofsinnhar, approvat tnax-il sena ilu, jinkludi dikjarazzjoni dwar il-ħtieġa li jkun imħares il-valur agrikolu tal-art fl-inħawi li fiha kwantità mhux żgħira ta’ siġar tal-ħarrub li huma f’saħħithom u li ilhom hemm mijiet ta’ snin.

Tajjeb li niftakru ukoll li fl-inħawi f’dawn l-aħħar snin instabu fdalijiet Puniċi u li jekk iktar art ser tkun disturbata probabbilment jinstabu bosta iktar fdalijiet arkeoloġiċi.

Hemm imbagħad konsiderazzjoni oħra. Il-binja tal-estensjoni taż-żona industrjali ser tqarreb il-fabbriki lejn iż-żona residenzjali ta’ Ġebel San Martin fiż-Żejtun. Il-fabbriki l-ġodda jidher li ser jiġu viċin wisq tar-residenzi. Il-pjanti proposti jiena ma rajthomx, ma jidhirx li huma pubbliċi s’issa. Imma l-għaqda Wirt iż-Żejtun tgħid li ser ikun hemm biss ftit għexieren ta’ metri li jifred iż-żona residenzjali minn dik industrijali.

Issa meta tqis li diġa hemm inkonvenjent prinċipalment ikkawżat minn ħsejjes f’kull ħin tal-jum, dan ifisser li l-inkonvenjent ser jikber u ser ikun iktar qrib ukoll.

Waqt li qed nikteb ħarġet l-aħbar li diversi Membri Parlamentari li jiġu eletti f’isem il-Partit Laburista mit-tielet distrett elettorali (li jinkludi ż-Żejtun) qed jgħidu li l-Gvern qiegħed jisma’ dak li qiegħed jingħad u qed jikkunsidra siti alternattivi. Dan hu pass tajjeb. Għax hu dejjem tajjeb li s-sens komun jingħata ftit ċans. Imma dan ifisser ukoll li l-proposta ma kienitx studjata sewwa qabel ma tħejjew il-pjani għal iżjed fabbriki.

Jekk il-proposta ma tinbidilx ser ikun ifisser li ser noqtlu pulmun ieħor din id-darba dak ta’ madwar iż-Żejtun. Hu inutli li nilmentaw kemm il-ġenerazzjoni żagħżugħa ftit hi interessat fil-biedja jekk Gvern wara l-ieħor jibqa’ jittratta lill-bdiewa daqstant ħażin.

Inħarsu l-art mill-esaġerazzjonijiet ta’ żvilupp. Din il-proposta għal Buleben teħtieġ li titwarrab minnufih. Jekk le daqt inkun nistgħu ngħidu li rajna l-aħħar ħarruba!

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 11 ta’ Frar 2018