Diskors minn Carmel Cacopardo, Chairperson, Alternattiva Demokratika
fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, organizzat mill-Malta Unborn Child Movement
Oratorju tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta, Il-Ħadd 4 ta’ Frar 2018
Uħud minnkom, wara dak kollu li ilu jingħad, bla dubju qed jistaqsu dwar meta u min ser idaħħal l-abort f’Malta. It-tweġiba għal din il-mistoqsija hi waħda sempliċi ħafna: ħadd. Għax l-abort ilu fostna. Il-fatt li l-liġi Maltija ma tippermettieħx ma hu ta’ l-ebda xkiel għal min jidhirlu li għandu jagħmel għażla ta’ din ix-xorta.
Rapporti annwali mediċi fir-Renju Unit jindikaw li madwar 60 mara Maltija fis-sena jutiliżżaw is-servizzi mediċi tal-Ingilterra u Wales biex jipprokuraw abort. Ma dawn imma, trid iżżid l-aborti minn Maltin li kull sena jsiru fl-Italja (prinċipalment Catania, Ruma u Milan imma ukoll f’lokalitajiet oħra) kif ukoll dawk li jseħħu fil-Ġermanja, l-Olanda, l-Belġju u iktar. Statistika uffiċjali hemm biss għar-Renju Unit, imma tobba Maltin li tkellimt magħhom, bla dubju a bażi prattika tal-professjoni tagħhom fl-ibliet u l-irħula Maltin, jistmaw li ċ-ċifra totali tista’ titla sa bejn 300 u 400 abort fis-sena li nisa Maltin jagħżlu li jagħmlu.
Fl-istatistika jkejlu l-frekwenza tal-abort bħala n-numru ta’ aborti għal kull elf mara li hi of childbearing age, u ċjoe bejn l-eta ta’ 15 u 44 sena. A bażi ta’ dan, ir-rata fl-Unjoni Ewropeja hi ta’ 4.4, filwaqt li fost il-Maltin hi ta’ bejn 3.6 u 4.7, dipendenti fuq jekk fil-kalkolu tagħmilx użu minn numru stmat ta’ 300 abort inkella l-istima massima ta’ 400 abort fis-sena fost il-Maltin.
Jiġifieri fi ftit kliem, l-indikazzjonijiet huma li l-Maltin ifittxu l-abort kważi daqs kull ġens ieħor fl-Ewropa.
Jekk irridu niddiskutu l-abort bis-serjeta għandna l-obbligu li l-ewwel u qabel kollox nippruvaw nidentifikaw u nifhmu l-fatti biex id-dibattitu pubbliku jkun wieħed infurmat u mhux wieħed intenżjonat biss biex ikeskes lil “qaddisin” kontra l-“midinbin”.
F’Alternattiva Demokratika qatt ma appoġġajna l-abort minkejja dak li jgħidu uħud, inkluż uħud fostkom. Imma f’Alternattiva Demokratika ma nagħmlux kruċjati. Nippreferu li l-pajjiż jikkommetti ruħu b’iktar qawwa biex ikunu indirizzati dawk iċ-ċirkustanzi li jwasslu għal abort.
Ir-rispett għall-ħajja, meta jkun ġenwin, jintwera mhux biss waqt it-tqala. Jintwera dejjem, kemm qabel kif ukoll wara t-tqal, kif ukoll f’ċirkustanzi li m’għandhomx x’jaqsmu mat-tqala.
Nirrispettaw il-ħajja ukoll meta nkunu ċari kontra l-vjolenza domestika, meta nkunu kommessi li nħarsu lil dawk li jissograw l-għarqa, maħrubin mill-moħqrija u l-għaks f’pajjiżhom, meta niftħu għajnejna beraħ għal nisa traffikati għas-sess f’pajjiżna, kif ukoll meta nifhmu li d-dinjità ta’ kull bniedem tmur lil hinn mill-kulur, razza jew ġeneru. Imma għal uħud forsi dan hu wisq!
Is-soċjetà tagħna qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Hi bidla li tispira ruħha minn pluraliżmu ta’ valuri, valuri li ħafna drabi jikkuntrastaw, xi kultant b’mod sostanzjali.
L-obbligu li nirrispettaw lil xulxin jeħtieġ li jimmanifesta ruħu f’dawn iċ-ċirkustanzi ukoll. Għax x’utilità hemm li ngħidu li għandna rispett lejn il-fehma ta’ ħaddieħor jekk imbagħad fil-konfront ta’ min ma jaqbilx magħna, it-tgħajjir u l-insulti kkuluriti xi kultant huma bla limitu?
Fl-Irlanda bħalissa l-Gvern immexxi mill-partit demokristjan tal-Fine Gael ser jagħti bidu għall-kampanja referendarja favur l-abort, għax fir-realta l-qbil ma’ jew l-opposizzjoni għall-abort tmur lil hinn mill-fehmiet politiċi.
F’Malta ukoll dawk favur l-abort qed jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom u qed isibu lil min jagħtihom s-servizz mixtieq. Sakemm jieqfu l-insulti mhux ser ikun possibli li dawn il-Maltin bħalna jingħataw l-għajnuna li jkollhom bżonn u li jħossu l-ħtieġa għaliha fl-iktar mumenti diffiċli f’ħajjithom, meta jridu jieħdu deċiżjoni iebsa u diffiċli, imma jħossuhom waħedhom, insulentati u mkasbrin minn soċjetà li tfittex il-purità artifiċjali.
Xi darba, forsi, nagħmlu progress. U l-progress ikun reġistrat meta kulħadd ikun konvint li hu stmat, irrispettivament mill-fehmiet tiegħu.
Sfortunatament, imma, jidher li għadna ftit il-bogħod.
Grazzi.