Jum 92 : lil hinn mill-bukketti tal-fjuri

 

Tlett xhur ilu nqatlet Daphne Caruana Galizia.

Wara li għaddew 92 ġurnata, inġabru, u bdew għaddejjin proċeduri kriminali dawk akkużati li qatluha, iżda min bagħthom għadu jiġri mas-saqajn.

Ħadd ma jaf x’qed jagħmlu bħalissa l-Pulizija, għax il-pulizija mhux ser toqgħod ixxandar mal-erbat irjieħ dak li tkun qed tagħmel. Tagħmel sewwa jekk għada qed tinvestiga fis-skiet u bla daqq tat-trombi. Kulħadd jifhem li investigazzjoni serja tieħu ż-żmien u ma hemm l-ebda garanzija li din tista’ tasal għall-konklużjoni li lkoll bla dubju nixtiequ.

Diġa tħabbru ħafna dettalji dwar il-każ, fosthom li kien ilu jiġi ppjanat ta’ l-inqas xahrejn, kif ukoll l-iżbalji li saru u li kienu strumentali biex il-Pulizija Maltija, mgħejjuna minn investigaturi barranin, waslu għall-ewwel konklużjonijiet.

Iktar ma jgħaddi żmien iktar jikbru d-diffikultajiet biex il-kaz jissolva kompletament. Mhux biss għadu mhux magħruf min ordna l-qtil, imma l-anqas għadu m’hu magħruf il-motiv wara l-qtil, l-għaliex il-qtil ġie kkummissjonat.

Illum jitqegħdu bosta bukketti ta’ fjuri li jiżdiedu mal-bosta kliem ta’ tifħir li ntqal u għadu qed jingħad. Ħafna minna illum jieqfu ftit mumenti u jagħmlu riflessjonijiet dwar l-għaliex pajjiżna wasal sa hawn.

It-tweġiba inevitabbli tinstab fi frażi waħda: l-egħruq fondi tal-intolleranza.