Tal-mistħija Onorevoli

 

Il-Bord tal-Awtorita tal-Ippjanar ftit tal-ħin ilu approva permess ta’ żvilupp għal pompa tal-petrol fil-Magħtab. Din hi l-istess applikazzjoni li xahar ilu kienu ikkonkludew li kellhom jirrifjutaw. Imma skond ir-regoli ma setgħux jieħdu deċiżjoni finali dakinnhar u aġġornaw għal-lum.

Illum l-applikazzjoni ġiet approvata. Attendew għal-laqgħa tal-Bord diversi membri li l-aħħar darba ma kienux hemm kif ukoll kien hemm min bidel l-opinjoni tiegħu. Kien hemm min l-aħħar darba ivvota kontra l-pompa tal-petrol imma illum ivvota favur!

Fost dawk li bidlu l-fehma tagħhom kien hemm il-Membru Parlamentari Laburista Clayton Bartolo li nhar is-7 ta’ Diċembru 2017 ivvota kontra l-pompa tal-petrol imma illum bidel fehmtu u ivvota favur.

Kien hemm ukoll il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ryan Callus li l-aħħar darba ma kienx preżenti imma illum ġie u vvota favur il-pompa tal-petrol huwa ukoll. Għaliex bidlu l-fehma tagħhom jiena ma nafx. Probabbilment li kkonvinċew ruħhom li “kellhom żball”!

Tajjeb li tiftakruha din: ir-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista Ryan Callus kif ukoll ir-rappreżentat tal-Partit Laburista fuq il-Bord tal-Awtorita tal-Ippjanar ivvutaw favur pompa tal-petrol oħra.

Tinsewx tgħidulhom grazzi lill-Onorevoli.