Il-korruzzjoni fil-futbol: sintomu ta’ pajjiż marid

Smajna fl-aħbarijiet bid-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina tal-UEFA li tissospendi sitt żgħażagħ Maltin, tnejn minnhom għal għomorhom, wara investigazzjoni dwar il-logħba futbol bejn Malta u l-Montenegro ta’ taħt il-21 sena ta’ nhar it-23 ta’ Marzu 2016.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Dr Angelo Chetcuti ġustament qal li din id-deċiżjoni hi daqqa ta’ ħarta għall-futbol Malti.

Imma tajjeb li nirriflettu ftit.

Dawn iż-żgħażagħ huma prodott tal-istess pajjiż. Il-pajjiż ta’ Pilatus, il-pajjiż ta’ Egrant, il-pajjiż tal-iskandlu tal-Premier, tal-invoices foloz, tal-iskandlu taż-żejt, tat-tixħim tal-kontijiet tal-iskejjel, tal-Vitals, tal-amnestiji waħda wara l-oħra dwar l-evażjoni tat-taxxa ……….. u ta’ tant affarijiet oħra.

F’dan il-pajjiż mhux biss qiesu ma ġara xejn talli min hu maħmuġ xejn ma jistħi jikkampanja kontra l-korruzzjoni u favur il-governanza tajba!

Hawn xi ħadd li jista’ jiskanta li issa għandna anke żgħażagħ taħt il-21 sena imċappsin?
Il-korruzzjoni fil-futbol hi sintomu ieħor li pajjiżna marid, u marid sew!