L-ordni pubbliku nassoċjawh mal-Pulizija. Għax normalment hu xogħol il-Pulizija li żżomm l-ordni pubbliku. Ikun hemm mumenti straordinarji li l-pulizija jkollhom bżonn l-għajnuna. F’dawn iċ-ċirkustanzi ħafna drabi l-pulizja jingħataw l-għajnuna tal-armata.
M’hiex sitwazzjoni normali li l-armata tkun iddur fit-toroq biex iżżomm l-ordni pubbliku. Dan iseħħ jew f’mumenti ta’ emergenza inkella meta d-demokrazija tkun taħt theddida. Hekk isir fid-dinja kollha.
Huwa f’dan il-kuntest li wieħed għandu jqis id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru nhar l-Ħadd li għadda f’Santa Luċija dwar il-presenza tal-armata fit-toroq tal-Marsa biex tgħin lill-Pulizija fiż-żamma tal-ordni pubbliku. Iktar kmieni tkellem ukoll il-Ministru tal-Intern fuq l-istess punt.
Irrid ngħid li m’huwiex xogħol l-armata li tinżel fit-toroq. L-armata m’hiex imħarrġa għal hekk. It-taħriġ tagħha huwa biex tiddefendi lil pajjiż fil-konfront ta’ perikli ġejjin minn barra xtutna. Biż-żmien l-armata ngħata ukoll it-taħriġ biex tintervjeni f’każ ta’ diżastri naturali, bħal għargħar, kif ġieli fil-fatt tagħmel meta tgħin lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili. Dan hu kollu tajjeb u l-armata jixirqilha l-grazzi tagħna lkoll għal dak kollu li jirnexxielha twettaq.
Kemm il-Prim Ministru f’Santa Luċija kif ukoll il-Ministru tal-Intern fil-Marsa iktar qabel, ħabbru ukoll li fl-Għassa tal-Marsa ser jibda jkun hemm Spettur kif ukoll li l-presenza tal-Pulizija fil-Marsa ser tiżdied bl-Ghassa tibda tkun miftuħa għal 24 siegħa kuljum. Dan hu kollu tajjeb għax il-presenza tal-Pulizija fit-toroq hi ta’ għajnuna kbira fiż-żamma tal-ordni pubbliku. Għax huwa meħtieg presenza ikbar ta’ pulizija fit-toroq tagħna, mhux biss fit-toroq tal-Marsa imma f’dawk tal-pajjiz kollu.
Fi ftit kliem hi l-pulizja li għanda tkun inkarigata miż-żamma tal-ordni pubbliku mhux l-armata. Dan jgħodd għall-Marsa u għal kull rokna ta’ Malta.