Żewġ kelmiet li l-użu tagħhom qiegħed jiżdied. Dan id-diskors ma jagħmel ġid lil ħadd. La lil min jgħidu u l-anqas li min jisimgħu.
Dan hu diskors li ġeneralment qed jingħad minn persuni viċin il-Gvern tal-lum u dan b’difiża għall-kritika li qed issir, f’Malta u barra għal dak li għaddej madwarna.
Nifhem li l-kritika ddarras, b’mod partikolari meta tkun iebsa. Pero’ min hu konvint minn dak li qed jagħmel m’għandux ħtieġa ta’ insulti, iżda hu kapaċi jwieġeb argument b’argument.
L-użu tal-kelma “tradituri” fil-konfront tal-kritiċi tal-Gvern l-iktar li tagħmel il-ħsara hu lill-Gvern innifsu għax twassal il-messaġġ li dawk li jappoġġaw lill-Gvern (jew parti minnhom) huma intolleranti għall-kritika.
Fuq kollox għalkemm huwa l-Gvern (bis-saħħa tal-maġġoranza li għandu fil-Parlament) li jiddeċiedi, ma jfissirx li neċessarjament illi għandu raġun, kemm f’dak li jgħid kif ukoll f’dak li jagħmel.
Tajjeb li dejjem inżommu quddiem għajnejna li n-numri jiddeterminaw min jiddeċiedi, mhux min għandu raġun.
Il-kritika lill-Gvern tal-lum saret u tibqa’ issir, bħalma saret lill-Gvern tal-bieraħ. Iċ-ċavetta biex nimxu l-quddiem hi li lkoll niftħu widnejna beraħ biex nisimgħu iktar.
B’dan il-mod biss hemm iċ-ċans li jsiru inqas żbalji, mhux bl-insulti. Għax l-insulti huma l-għodda esklussiva ta’ min m’għandux fiduċja fir-raġuni.