Tradituri u tradimenti

 

Żewġ kelmiet li l-użu tagħhom qiegħed jiżdied. Dan id-diskors ma jagħmel ġid lil ħadd. La lil min jgħidu u l-anqas li min jisimgħu.

Dan hu diskors li ġeneralment qed jingħad minn persuni viċin il-Gvern tal-lum u dan b’difiża għall-kritika li qed issir, f’Malta u barra għal dak li għaddej madwarna.

Nifhem li l-kritika ddarras, b’mod partikolari meta tkun iebsa. Pero’ min hu konvint minn dak li qed jagħmel m’għandux ħtieġa ta’ insulti, iżda hu kapaċi jwieġeb argument b’argument.

L-użu tal-kelma “tradituri” fil-konfront tal-kritiċi tal-Gvern l-iktar li tagħmel il-ħsara hu lill-Gvern innifsu għax twassal il-messaġġ li dawk li jappoġġaw lill-Gvern (jew parti minnhom) huma intolleranti għall-kritika.

Fuq kollox għalkemm huwa l-Gvern (bis-saħħa tal-maġġoranza li għandu fil-Parlament) li jiddeċiedi, ma jfissirx li neċessarjament illi għandu raġun, kemm f’dak li jgħid kif ukoll f’dak li jagħmel.

Tajjeb li dejjem inżommu quddiem għajnejna li n-numri jiddeterminaw min jiddeċiedi, mhux min għandu raġun.

Il-kritika lill-Gvern tal-lum saret u tibqa’ issir, bħalma saret lill-Gvern tal-bieraħ. Iċ-ċavetta biex nimxu l-quddiem hi li lkoll niftħu widnejna beraħ biex nisimgħu iktar.

B’dan il-mod biss hemm iċ-ċans li jsiru inqas żbalji, mhux bl-insulti. Għax l-insulti huma l-għodda esklussiva ta’ min m’għandux fiduċja fir-raġuni.

Advertisements

Iftaħli flixkun inbid, qalbi!

L-iżviluppi matul il-ġimgħa li għaddiet fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija kienu sostanzjali. Jidher li l-Pulizija Maltija, bħala riżultat tal-għajnuna li rċieviet minn forzi tal-ordni ta’ pajjiżi oħra b’esperjenza vasta f’dawn it-tip ta’ investigazzjonijiet bdew jitgħallmu jużaw it-teknoloġija biex isolvu l-investigazzjonijiet. Bħala riżultat ta’ dan segwew tfittxijiet u arresti, u tlieta ttellgħu l-Qorti akkużati bil-qtil. Jidher ukoll li każijiet oħra ta’ qtil b’bombi li seħħew fl-aħħar xhur hu possibli ħafna li jissolvew.

L-informazzjoni li ħarġet u għada ħierġa kemm lill-medja lokali kif ukoll lil dik barranija jidher li hi ċelebrazzjoni ta’ dan l-għarfien ġdid: li t-teknoloġija tista’ wara kollox tkun għodda tajba u utli ħafna fl-investigazzjonijiet. Imma jista’ jkun ukoll li l-informazzjoni li ħarġet hi ukoll messaġġ li issa, wara kollox, ftit baqa’ mistur u li min għandu jikxef il-ftit li baqa’ jaqbillu jiċċaqlaq: min ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia?

“Iftaħli flixkun inbid, qalbi!” Li nkunu nafu dwar t-talba għal-flixkun inbid biex jiċċelebra, liema talba saret minn l-istess swaba’ li splodew il-bomba permezz ta’ SMS li ntbagħtet hi aħbar li għandha tqabbadna l-bard għax tikxef il-preparazzjoni u l-kefrija ta’ dawk li ħejjew għal u wettqu dan il-qtil. Dan id-dettal hu segwit minn informazzjoni li t-telefon ċellulari li ntuża biex tkun sploduta l-bomba kien wasal fil-limitu, għax ma kienx baqa’ flus u li kien meħtieġ top-up ta’ €5. Kien bħala riżultat ta’ dan it-top-up li ġew identifikati l-identità tas-swaba’ qerrieda.

Bla dubju, eżami dettaljat tal-messaġġi u l-konverzazzjonijiet li seħħew bil-mobile qerriedi żvelaw ħafna iktar minn hekk. B’mod għaqli dan s’issa għadu mhux magħruf mill-pubbliku. Għax jista’ jkun li din l-informazzjoni għad tista’ twassal f’ras il-għajn: min ordna l-qtil. Dawk li qed imexxu l-investigazzjoni mingħajr dubju jkunu identifikaw il-parti l-kbira tal-possibilitajiet dwar x’seta ġara: uħud rejalistiċi, oħrajn xi ftit jew wisq inġebbda: possibilitajiet dwar min seta’ kellu interess li jordna dan il-qtil. Uħud minn dawk arrestati bħala riżultat tal-operazzjoni tal-Pulizija li seħħet iktar kmieni din il-ġimgħa fil-Marsa, Ħaż-Żebbuġ u San Pawl il-Baħar jindikaw x’qed jaħsbu l-investgaturi dwar dawn il-possibilitajiet.

Fost l-informazzjoni li ħarġet hemm li l-qtil kien ilu jkun ippjanat għal madwar xahrejn. Dan ifisser li fl-investigazzjoni tagħhom il-pulizija eżaminaw tal-inqas informazzjoni elettronika li tmur lura tal-inqas xahrejn. Dan ifisser ukoll li hemm ħafna iktar informazzjoni li s’issa għad ma ħarġitx għax probabbilment m’huwiex għaqli li din toħroġ minħabba li titfa dawl fuq dak li s’issa għadu mhux magħruf: min ordna l-qtil?

L-informazzjoni bla ebda dubju ħarġet minn ras il-għajn. Imma turi Pulizija li m’hiex kunfidenti mal-istampa lokali u li għaldaqstant għażlet dik barranija biex tiżvela dak li riedet. Anke l-istampa lokali għandha dritt li tkun infurmata avolja kulltant din l-informazzjoni tista’ tkun kontro-produċenti. Jidher ċar li l-Pulizija għandha bżonn tinvesti f’taħriġ professjonali fuq l-imġieba tagħha mal-istampa. Taħrig li għandu jingħata lill-fizzjali kollha: jistgħu jibdew mill-Kummissarju Cutajar.

Minkejja dak kollu li seħħ matul din il-ġimgħa, l-kritika inizzjali dwar l-investigazzjoni tibqa’ waħda valida. Il-pass żbaljat tal-Maġistrat Consuelo Scerri-Herrera li telqet tiġri lejn il-Bidnija biex tibda l-investigazzjoni meta kien ovvju li għal raġunijiet etiċi kellha tibqa’ l-bogħod kemm jista’ jkun jibqa’ żball li jeħtieġ li jkun indirizzat biex ma jkunx hemm ripetizzjoni tiegħu. Anke l-involviment tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta kien żball oħxon li ma jitħassax bir-riżultati miksuba s’issa.

Il-konkluzjonijiet s’issa tal-investigazzjoni huma pass il-quddiem. Il-kaz imma ikun riżolt biss meta jkun magħruf min ordna l-qtil kif ukoll il-motivi tiegħu jew tagħha. Huwa biss f’dak il-ħin li Daphne tkun tista’ tistrieħ fis-sliem.

 

Ippubblikat f’Illum – 10 ta’ Diċembru 2017