Fiċ-ċirkustanzi kif qed jiżviluppaw, ħadd ma jista’ jagħti tort lill-familja Caruana Galizia li jkollha dubji serji dwar il-proċess kollu tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-investigazzjoni bdiet fuq sieq ħażin mill-ewwel, meta tfaċċat il-Bidnija l-Maġistrat Consuelo Scerri-Herrera. Il-Maġistrat damet ħin twil iddur mal-lewża sakemm iddeċidiet li tastjeni u titlob li jinħatar Maġistrat ieħor. Biex tagħqad sakemm iddeċidiet ordnat numru ta’ familjari ta’ Daphne Caruana Galizia biex ikunu l-Qorti propju fl-ewwel siegħat tal-investigazzjoni, kważi immedjatament kif inqatlet.
Bla dubju l-Maġistrat Scerri-Herrera ittratta ħażin ħafna lill-familja ta’ Daphne.
Imbagħad sirna nafu li l-investigazzjoni kienet taħt id-direzzjoni tad-Deputat Kummissarju (tal-Pulizija) Silvio Valletta li hu miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. Xahar ilu ktibt li kien ikun għaqli kieku l-investigazzjoni qed imexxiha fizzjal ieħor tal-Pulizija. Dan minħabba d-dellijiet politiċi li bil-fors iġorr miegħu d-Deputat Kummissarju. Tajjeb li nfakkarkhom x’kienet irrappurtat il-gazzetta Illum meta Silvio Valletta kien qed jissemma’ għal Kummissarju tal-Pulizija:
“L-ILLUM tista’ tiżvela li fost il-persuni li ġew avviċinati biex jokkupaw il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija kien hemm l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta. Is-sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li minkejja li Valletta kien ikkunsidrat bħala kandidat mill-aktar idoneu għall-kariga, hu rrifjuta.
Għalkemm għadu mhux ċar x’inhuma r-raġunijiet kollha għal dan ir-rifjut, dawk li tkellmu magħna qalu li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn Valletta ma xtaqx li jokkupa l-ogħla kariga fil-korp kien minħabba l-kariga politika ta’ martu, Justyne Caruana. Nies li tkellmu ma’ Valletta qalu li l-Assistent Kummissarju jħoss li l-fatt li Caruana hija Membru tal-Kabinett u persuna prominenti fil-Partit Laburista, seta’ jitfa’ wisq piż u dell fuq l-operat tiegħu kieku aċċetta li jkun fit-tmun tal-Korp.”
Dan kollu seta jkun evitat, bi ftit ħsieb. Inutli noqgħdu nparlaw żejjed fil-konfront ta’ xulxin. Kieku l-affarijiet isiru sewwa, mill-ewwel, jkun tajjeb għal kulħadd.