L-arresti li saru mill-Pulizija dal-għodu in konnessjoni ma’ suspett ta’ involviment fil-qtil tal-Daphne Caruana Galizia jista’ jkunu pass il-quddiem.
Wara xahar u nofs mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia dawn l-għaxar arresti f’daqqa jistgħu jfissru riżultat ta’ ħidma kbira li diġa saret, imma jistgħu jkunu ukoll smokescreen, jiġifieri mossa biex tiddevja l-attenzjoni!
Ovvjament mhux kulħadd jaqbel mal-pass li ħa l-Prim Ministru li jħabbar f’konferenza stampa dak li kien qiegħed jiġri. Dan jista’ jkollu konsegwenzi negattivi avolja l-Prim Ministru qal li kien qiegħed attent, anke fuq parir li ħa mibgħand l-Avukat Ġenerali, biex jevita dan kollu.
Madwar 14-il sena ilu l-Prim Ministru ta’ dakinnhar Eddie Fenech Adami ukoll kien mar quddiem l-istampa biex iħabbar l-investigazzjoni tal-Prim Imħallef u Imħallef ieħor. Niftakru li dan kollu kien għoddu spiċċa ħażin għax l-akkużati ppruvaw jeħilsuha ħafif minħabba f’hekk.
Mhux faċli li taqta’ linja dwar safejn għandek tasal.
Hu fatt li l-Gvern, u Joseph Muscat in partikolari, qiegħed f’posizzjoni xejn faċli minħabba l-implikazzjonijiet politiċi ta’ kull ma jseħħ jew ma jseħħx in konnessjoni ma dan il-każ. Hi problema ikbar minħabba l-fatt li l-Kummissarju tal-Pulizja mhux persuna addattata biex tindirizza lill-istampa!
Issa x’ser jiġri, qed jistaqsu bosta?
Dan jiddependi minn dak li għandhom f’idejhom il-Pulizija. Għax jekk l-arresti huma l-bidu tal-investigazzjoni ftit wieħed jista’ jgħid x’ser jiġri. Imma jekk min-naħa l-oħra l-arresti huma riżultat ta’ informazzjoni oħra li nġabret mill-Pulizija, allura l-affarijiet ikunu jistgħu jħaffu minn hawn il-quddiem, b’mod partikolari jekk l-istampa tibda tiċċara u l-provi miġbura jagħqdu waħda mal-oħra.
Minkejja l-kritika indirizzata lejn il-Pulizija naħseb li dawn għamlu tajjeb li ma svelawx x’informazzjoni kellhom f’idejhom (jekk kellhom). Għadu kmieni wisq għal dan, b’mod partikolari jekk għadhom m’għalqux il-kaz, kif jidher.
Bla dubju fil-ġranet li ġejjin nistgħu nibdew nieħdu idea dwar jekk il-kaz ingħalaqx inkella jekk għadux kemm infetaħ.