Għalxejn nippuntaw subgħajna lejn xulxin

Il-bieraħ Alternattiva Demokratika ltaqgħet mal-Partit Laburista madwar mejda, mejda oħra, differenti minn dik ta’ nhar il-Gimgħa.

Huwa importanti li l-partiti politiċi nitkellmu flimkien iktar spiss. Hemm bżonn nitkellmu iktar imma ukoll hemm bżonn li nisimgħu iktar lil xulxin.

Tkellimna dwar il-politika, dwar dak li qed jiġri kif ukoll dwar dak li ġara. Tkellimna dwar l-ambjent, dwar it-toroq, dwar l-ODZ, dwar l-inċinerazzjoni u dwar id-droga.

Tkellimna dwar il-Konvenzjoni Kostituzzjonali u dwar l-istituzzjonijiet: kif dawn għandhom jissaħħu.

Meta Alternattiva Demokratika tieħu sehem f’laqgħat bħal dawn, dan tagħmlu għax bħal kull partit politiku għandha l-obbligu li ssemma leħinha u twassal dak li taħseb f’kull rokna tal-pajjiż.

Xi kultant l-għajjat u t-tejatrin fil-politka jista’ jidher neċessarju u effettiv. Imma fl-aħħar minn l-aħħar dan qatt ma jsolvi xejn. Il-problemi jistgħu jissolvew biss bil-kalma, madwar il-mejda. Dejjem ovvjament jekk aħna lesti li noqgħodu bil-qegħda u nisimgħu lil ħaddieħor bħalma nippretendu li ħaddieħor jisma’ lilna.

Pajjiżna għandu problemi li m’humiex żgħar. Biex nibdew insolvuhom jeħtieġ is-sehem ta’ kulħadd. Bħal dejjem, Alternattiva Demokratika lesta tagħti s-sehem tagħha. Dan tagħmlu billi titkellem ma kulħadd u ma tipponta subgħajha lejn ħadd.