Owen Bonnici fil-Parlament, il-bieraħ, ikkummenta fuq id-dibattitu fil-Parlament Ewropew ġewwa Strasbourg dwar is-saltna tad-dritt. Qal li segwa d-dibattitu u “ħassu dispjaċut jara Maltin bħalu jagħmlu ħsara lil pajjiżna”. Ħaddieħor qiegħed jikkwota lil Cicerun u qed jitkellem dwar “l-għadu f’nofsna”.
Għandi eta biżżejjed biex niftakar iż-żmien meta kull min jikkritika lill-Gvern kien ikun deskritt bħala “għadu tal-poplu”. Għax għal dawn in-nies li tikkritika lill-Gvern ifisser li tkun qed tagħmel il-ħsara lill-pajjiż.
Din hi l-attitudni tal-intolleranza, ta’ min ma jissaportix lil min jikkritikah. Hi l-istess attitudni li twassal għall-vjolenza u anke f’xi każi għall-qtil.
Issa jiena naħseb li l-kritika tal-Opposizzjoni hi ftit esaġerata u qed tpoġġi flimkien affarijiet li mhux prudenti li jkunu ippreżentati daqs li kieku huma marbutin. Dwar dan ktibt diversi drabi u jekk ikun hemm bżonn nerġa’ nikteb kif ktibt il-bieraħ fuq dan l-istess blog.
Il-Partit Laburista għandu bżonn jiġi ftit f’sensieh u jirrealizza li meta ħa posizzjoni favur Konrad Mizzi u Keith Schembri u fil-prattika ma ħa l-ebda passi dwar l-involviment tagħhom fil-Panama Papers kien qed jiffirma l-kundanna tiegħu innifsu. Dakinnhar kellhom ċans jieħdu posizzjoni ta’ prinċipju u minflok għażlu li jagħlqu għajnejhom it-tnejn.
Dak kollu li qed jiġri illum hu konsegwenza ta’ dik id-deċiżjoni ħażina.
Nissuggerixxi lil min qed jitgħajjar dwar “l-egħdewwa tal-poplu” biex iħares ftit fil-mera. Għax l-ikbar għadu tal-poplu Malti hu dak li hu fdat bil-poter u ma jagħmilx dmiru.