Meta l-Opposizzjoni toħroġ il-barra mill-Parlament

Li bħala protesta titlaq il-barra mill-Parlament waqt seduta parlamentari hi materja gravi għax tfisser li ma hemmx mod ieħor kif iż-żewġ naħat jikkomunikaw.

Dan mhux sinjal sabiħ u ma jagħmel l-ebda ġid lid-demokrazija parlamentari tagħna. Ovvjament il-Parlament baqa’ għaddej bix-xogħol tiegħu.

Saru ħafna żbalji li ħtija tagħhom il-pajjiż jinsab fil-qagħda attwali. Hu neċessarju li illum qabel għada jinstab mezz effettiv ta’ komunikazzjoni. Sfortunatament jidher li għadna l-bogħod.

Hemm bżonn li nikkomunikaw aktar. Forsi naslu biex nirrispettaw iktar lil xulxin, kif ukoll lill-pajjiżna. Għax pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar.

Meta l-egħedewwa tal-poplu jħarsu fil-mera

 

Owen Bonnici fil-Parlament, il-bieraħ, ikkummenta fuq id-dibattitu fil-Parlament Ewropew ġewwa Strasbourg dwar is-saltna tad-dritt. Qal li segwa d-dibattitu u “ħassu dispjaċut jara Maltin bħalu jagħmlu ħsara lil pajjiżna”. Ħaddieħor qiegħed jikkwota lil Cicerun u qed jitkellem dwar “l-għadu f’nofsna”.

Għandi eta biżżejjed biex niftakar iż-żmien meta kull min jikkritika lill-Gvern kien ikun deskritt bħala “għadu tal-poplu”. Għax għal dawn in-nies li tikkritika lill-Gvern ifisser li tkun qed tagħmel il-ħsara lill-pajjiż.

Din hi l-attitudni tal-intolleranza, ta’ min ma jissaportix lil min jikkritikah. Hi l-istess attitudni li twassal għall-vjolenza u anke f’xi każi għall-qtil.

Issa jiena naħseb li l-kritika tal-Opposizzjoni hi ftit esaġerata u qed tpoġġi flimkien affarijiet li mhux prudenti li jkunu ippreżentati daqs li kieku huma marbutin. Dwar dan ktibt diversi drabi u jekk ikun hemm bżonn nerġa’ nikteb kif ktibt il-bieraħ fuq dan l-istess blog.

Il-Partit Laburista għandu bżonn jiġi ftit f’sensieh u jirrealizza li meta ħa posizzjoni favur Konrad Mizzi u Keith Schembri u fil-prattika ma ħa l-ebda passi dwar l-involviment tagħhom fil-Panama Papers kien qed jiffirma l-kundanna tiegħu innifsu. Dakinnhar kellhom ċans jieħdu posizzjoni ta’ prinċipju u minflok għażlu li jagħlqu għajnejhom it-tnejn.

Dak kollu li qed jiġri illum hu konsegwenza ta’ dik id-deċiżjoni ħażina.

Nissuggerixxi lil min qed jitgħajjar dwar “l-egħdewwa tal-poplu” biex iħares ftit fil-mera. Għax l-ikbar għadu tal-poplu Malti hu dak li hu fdat bil-poter u ma jagħmilx dmiru.