Wara d-dibattitu fi Strasbourg

Id-dibattitu tal-lum fil-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt wera li prattikament il-partiti politiċi kollha huma mħassba dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli jżid ma dan it-tħassib.

It-tħassib hu ġustifikat minħabba diversi affarijiet.

Il-ħatra u r-riżenja ta’ diversi Kummissarji tal-Pulizija matul dawn il-ħames snin xejn ma għen f’dan il-kuntest.

Ir-rapporti tal-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) li waslu għand il-Kummissarju tal-Pulizija u ma ittieħdu l-ebda passi dwarhom ukoll wasslu l-messaġġ li f’dan il-pajjiż xejn m’hu xejn: li l-liġi hi bla siwi.

Jekk il-liġi hi bla siwi għax l-awtorijtajiet li għandhom l-obbligu li jimplimentawha jagħlqu għajnejhom, daqqa waħda u drabi oħra t-tnejn, hu ġustifikat li jingħad li s-saltna tad-dritt hi mhedda.

F’dan il-kuntest ma tista’ tagħti tort lil ħadd li jissuspetta illi l-awtoritajiet kollha ħaġa waħda, jħokku dahar xulxin. Anke jekk mhux neċessarjament hekk.

Imma hemm min qiegħed japprofitta ruħu minn din is-sitwazzjoni biex jiżra’ sfiduċja iktar milli diġa hawn. Ilkoll kemm aħna, fuq quddiem nett il-partiti politiċi, għandna l-obbligu li f’din is-siegħa delikata ma nesagerawx.

Il-fatti jibqgħu fatti.

Il-Prim Ministru żbalja meta ma tajjarx lill-Konrad Mizzi mill-Kabinett u lil Keith Schembri minn Chief of Staff fl-uffċċju tiegħu wara li isimhom deher fil-lista magħrufa bħala Panama Papers. Kien żball oħxon li anke fil-Partit Laburista stess kien hemm dibattitu jaħraq dwaru.

Xi żmien ilu, madwar 18-il xahar ilu kont ktibt u għidt hekk :
“Fortunatament bosta membri tal-grupp parlamentari jaħsbuha differenti minn hekk. Hemm min tkellem fil-pubbliku bħalma għamlu Evarist Bartolo u Godfrey Farrugia. Hemm oħrajn li tkellmu fil-magħluq waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari. Issemmew l-ismijiet tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech u tal-Ministri Leo Brincat, Edward Scicluna u George Vella. Hemm ukoll id-dikjarazzjoni ċara ta’ Alfred Sant. Naf li hemm oħrajn. Kollha talbu r-riżenja ta’ Konrad Mizzi.
Il-grupp parlamentari laburista m’huwiex kuntent bis-sitwazzjoni. Huwa konxju li s-skiet tal-Partit Laburista quddiem it-taħwid tal-Gvernijiet tas-snin 70 u 80 kienet raġuni ewlenija li kkundannat lill-partit għal 25 sena fl-Opposizzjoni. Illum jirrealizzzaw li hu kmieni wisq, wara biss tlett snin, biex il-partit laburista jsib ruħu f’dan it-taħwid kollu.”

Il-kobba issa kompliet titħabbel bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Hemm min qed jitfa l-argumenti kollha f’borma waħda u jgħaqqad, b’mod irresponsabbli l-affarijiet, meta s’issa għad ma hemm l-ebda prova dwar min wettaq dan id-delitt u għal liema raġuni. L-iżbalji li saru fil-kors tal-investigazzjoni xejn m’huma ta’ għajnuna. La d-dewmien tal-maġistrat Scerri-Herrera biex twarrab minn nofs u l-anqas li d-Deputat Kummissarju Silvio Valletta  ma fehmx li l-presenza tiegħu fl-investigazzjoni tista’ tkun ta’ xkiel għall-kredibilita tal-konkluzjonijiet m’huma ser jgħinu.

F’dan il-kuntest il-kummenti ta’ Frans Timmermans Viċi President Ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea huma ta’ validità kbira: “Let the investigation run its full course. What is not on is to start with a conclusion and look for facts to support that conclusion.”

Il-preokkupazzjoni tagħna lkoll hi ġustifikata. Imma tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li t-taħwid kollu li għandna quddiemna ma tfaċċax f’daqqa, ilu jinġabar ftit ftit. Biex dan jingħeleb jeħtieġ l-isforz flimkien ta’ kull min hu ta’ rieda tajba.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s