Huwa tajjeb li jkollna fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.
Fil-Parlament il-lejla, fuq mistoqsija supplementari ta’ Simon Busuttil qam l-argument fuq jekk hux sewwa li l-uffiċjal tal-Pulizija li hu inkarigat mill-investigazzjoni kriminali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jerfa’ din ir-responsabbilta meta hu miżżewweġ lil persuna fil-politika.
Għamel tajjeb il-Ministru Michael Farrugia li qal li għandu fiduċja fil-Korp kollu. Għamel iktar tajjeb meta qal li ma jinteressaħx il-kulur politiku la ta’ min jinvestiga u l-anqas ta’ min ikun qiegħed jiġi investigat.
Kien jagħmel ħafna tajjeb id-Deputat Kummissarju Valletta kieku ma ħax sehem f’din l-investigazzjoni.
L-aħjar mod biex nispjegalkom għaliex huwa billi nfakkarkom f’artiklu li nkiteb f’Illum sena ilu minn Albert Gauci Cunningham. L-artiklu kien jgħid dan il-kliem :
“L-ILLUM tista tiżvela li fost il-persuni li ġew avviċinati biex jokkupaw il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija kien hemm l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta. Is-sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li minkejja li Valletta kien ikkunsidrat bħala kandidat mill-aktar idoneu għall-kariga, hu rrifjuta.
Għalkemm għadu mhux ċar x’inhuma r-raġunijiet kollha għal dan ir-rifjut, dawk li tkellmu magħna qalu li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn Valletta ma xtaqx li jokkupa l-ogħla kariga fil-korp kien minħabba l-kariga politika ta’ martu, Justyne Caruana. Nies li tkellmu ma’ Valletta qalu li l-Assistent Kummissarju jħoss li l-fatt li Caruana hija Membru tal-Kabinett u persuna prominenti fil-Partit Laburista, seta’ jitfa’ wisq piż u dell fuq l-operat tiegħu kieku aċċetta li jkun fit-tmun tal-Korp.”
Mhux possibli li nkun iktar ċar minn hekk.
Sena ilu, Silvio Valletta kien ta prova li kien fizzjal ta’ stoffa. Għalfejn issa reġa pass lura?
Ghaliex tkellimt b’mod totalment differenti fuq il-kunflitt ta interess ta Antonio Mizzi?
Hadd posizzjoni differenti ghax jidhirli li l-kaz hu differenti. Spjegajt ukoll ir-ragunijiet ghala dan hu gustifikat. L-artiklu li qed tirreferi ghalih tista’ tarah hawn : https://carmelcacopardo.wordpress.com/2017/07/31/simon-busuttil-ma-jitghallem-qatt/