Id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta jagħmel pass lura?

 

Huwa tajjeb li jkollna fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.

Fil-Parlament il-lejla, fuq mistoqsija supplementari ta’ Simon Busuttil qam l-argument fuq jekk hux sewwa li l-uffiċjal tal-Pulizija li hu inkarigat mill-investigazzjoni kriminali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jerfa’ din ir-responsabbilta meta hu miżżewweġ lil persuna fil-politika.

Għamel tajjeb il-Ministru Michael Farrugia li qal li għandu fiduċja fil-Korp kollu. Għamel iktar tajjeb meta qal li ma jinteressaħx il-kulur politiku la ta’ min jinvestiga u l-anqas ta’ min ikun qiegħed jiġi investigat.

Kien jagħmel ħafna tajjeb id-Deputat Kummissarju Valletta kieku ma ħax sehem f’din l-investigazzjoni.

L-aħjar mod biex nispjegalkom għaliex huwa billi nfakkarkom f’artiklu li nkiteb f’Illum sena ilu minn Albert Gauci Cunningham. L-artiklu kien jgħid dan il-kliem :

“L-ILLUM tista tiżvela li fost il-persuni li ġew avviċinati biex jokkupaw il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija kien hemm l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta. Is-sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li minkejja li Valletta kien ikkunsidrat bħala kandidat mill-aktar idoneu għall-kariga, hu rrifjuta.

Għalkemm għadu mhux ċar x’inhuma r-raġunijiet kollha għal dan ir-rifjut, dawk li tkellmu magħna qalu li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn Valletta ma xtaqx li jokkupa l-ogħla kariga fil-korp kien minħabba l-kariga politika ta’ martu, Justyne Caruana. Nies li tkellmu ma’ Valletta qalu li l-Assistent Kummissarju jħoss li l-fatt li Caruana hija Membru tal-Kabinett u persuna prominenti fil-Partit Laburista, seta’ jitfa’ wisq piż u dell fuq l-operat tiegħu kieku aċċetta li jkun fit-tmun tal-Korp.”

Mhux possibli li nkun iktar ċar minn hekk.

Sena ilu, Silvio Valletta kien ta prova li kien fizzjal ta’ stoffa. Għalfejn issa reġa pass lura?