Għalkemm f’dan l-istadju ħadd ma jista’ jgħid x’kien il-motiv li wassal għall-qtil ta’ Daphne, hu loġiku li nistennew rabta ta’ dan il-qtil makabru mal-ħidma tagħha: dik tat-tiftix tal-verità dwar in-nies tal-poter, dwar il-ħmieġ fil-politika, dwar il-korruzzjoni kif ukoll dwar in-nuqqasijiet ta’ tmexxja tajba.
Kulħadd, min fid-deher u min fis-skiet, jirrikonoxxi l-abbiltajiet investigattivi tagħha. Mhux l-istess dwar in-nuqqasijiet, fosthom il-parzjalità favur il-PN li f’xi okkazjonijiet tappnet l-analiżi tagħha, kif ukoll il-personalizzazzjoni żejda ta’ uħud mill-kitbiet tagħha, inkluż meta esaġerat fl-attakki u l-insulti b’kitbietha f’uħud minn mumenti (mhux rari) ta’ partiġjaniżmu bla sens.
Kif tistenna, min bħalissa qed ifaħħarha qiegħed jiffoka fuq kemm kienet tajba fl-investigazzjonijiet tagħha. Ir-rabta tagħha mal-Panama Papers u l-emfasi dwarhom twassal il-messaġġ li l-kitba dwar dan kien possibilment il-kawża tal-qtil tagħha.
Għal sorsi qrib il-Pulizija l-kaz jista’ jdur madwar il-kuntrabandu tal-fjuwil.
Dawn ovvjament huma tnejn minn diversi possibiltajiet. Għax il-possibiltajiet huma diversi: mhux biss dak li kitbet dwaru, imma possibilment anke dak li kienet għadha qed tistħarreġ u tindaga dwaru.
Huwa tajjeb li l-esperti barranin li qed jassistu lill-Pulizija qed jiflu l-kitba tagħha u dan biex jassiguraw ruħhom li l-possibiltajiet kollha jkunu mistħarrġa. Imma dan iwassal għal mistoqsija waħda loġika. Saret investigazzjoni ta’ din ix-xorta qabel mewtha? Għax f’pajjiż serju wieħed jippretendi li meta jkun hemm din it-tip ta’ kitba l-Pulizija tinvestiga mill-ewwel, biex ngħid hekk qabel ma tinxef il-linka. Jekk dan sar, tajjeb. Imma jekk ma sarx il-Korp tal-Pulizija għandu l-obbligu li jispjega.
Il-Pulizija qegħda tinvestiga. U f’din l-investigazzjoni l-Pulizija għandha aċċess għall-informazzjoni li kellha Daphne u dan soġġett għall-ordni tal-Qorti li jkunu protetti s-sorsi tagħha, liema ordni ngħatat fuq talba f’waqtha li għamel l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
Fejn ser iwasslu dawn l-investigazzjonijiet m’għandix idea. Imma naħseb li jkun xieraq kieku l-Pulizija tfittex li tinforma lill-istampa dwar dak li qed tagħmel, mingħajr ovvjament ma tagħti dettalji żejda li jistgħu jikkompromettu l-ħidma investigattiva tagħha. Hemm bżonn li l-Pulizija tirrimedja l-istraġi ta’ Press Conference li għamlet dwar din il-materja, għax ilkoll kemm aħna għadna d-dritt li nkunu nafu x’inhu għaddej.
Hi l-Pulizija li għandha tinfurmana u mhux il-Ministru Michael Farrugia. Ikun tajjeb jekk l-Onorevoli jifhem li iktar ma joqgħod il-bogħod mill-investigazzjoni, iktar aħjar.