Daphne: riflessjonijiet f’jum il-funeral

Illum waranofsinnhar isir il-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia, kważi tlett ġimgħat wara li nqatlet, meta fil-Bidnija splodiet bomba li tqegħdet mal-karozza li kienet qed issuq, ftit wara li telqet mid-dar tagħha.

Intqal, u bla dubju għad irid jintqal ħafna iktar dwar dan il-qtil, li ħasad lill-pajjiż kollu.

Wara sbatax-il jum il-Pulizija għadha qed tinvestiga u dan a bażi tat-truf li għandha f’idejha s’issa.

Ser jaslu? Ma nafx, imma nispera li jaslu għax il-pajjiż kollu ma jistax jibqa’ ttorturat bi qtil ieħor mhux solvut.

Hemm uħud li rċevew messaġġ li l-presenza tagħhom għall-funeral mhiex mixtieqa. Dan hu kontinwazzjoni tal-kontroversji li fihom kienet magħġuna ħajjet il-maqtula. Huma kontroversji li mhux ser jintesew kif ġieb u laħaq, għax bosta minnhom għad jeħtieġu spjegazzjoni kredibbli. Spjegazzjoni li s’issa ma tidhirx b’nemes.

S’issa ħadd għadu ma nġabar mill-Pulizija biex ikun interrogat dwar dan il-qtil. Imma qed jintqal li l-Pulizija qed jikkunsidraw li jmorru f’Katanja fejn hemm Malti li ġie arrestat f’Lampedusa mill-Guardia fi Finanza dwar kuntrabandu ta’ fjuwil. Dan jindika l-linja investigattiva li preżentement qed issegwi l-Pulizija. Imma jekk dan kollu jindikax li l-kaz issolva hu prematur biex jingħad.

Imma f’dawn l-aħħar ġranet saru ukoll il-mirakli. Għax il-Pulizija donnhom ikkonkludew żewġ każijiet jaħarqu, qiesu biex jgħidulna li ma kienux reqdin. Jew, agħar minn hekk, qiesu biex jgħidulna li ħadd ma jmexxihom min imneħirhom.

Mhux kulħadd hu konvint minn dan u għalhekk sfortunatament żdieded l-isfiduċja fil-Korp tal-Pulizija u l-għajta għar-riżenja tal-Kummissarju.

Il-Pulizija jistgħu jifdu lilhom infushom f’kull ħin billi jagħtu prova li kapaċi jaħdmu sewwa. S’issa din il-prova għadna qed nistennewha.